Filmat: Kif isiru l-ġbejniet tan-nagħaġ?

Il-koppja Grace u Mario jieħdu ħsieb ir-razzett tal-annimali ġewwa l-Imġarr magħruf aħjar bħala tal-Pespus. Huma spjegaw il-proċess kollu ta’ kif isiru l-ġbejniet.

Mario spjega kif fil-ħamsa huma jqajmu n-nagħaġ u jibdew jeħilbuhom b’apparat apposta u jdumu madwar siegħa. Wara li jlestu huwa jgħaddi l-ħalib lill-mara u hija tibda l-proċess biex dan isir ġbejniet. Sakemm il-mara tibda l-proċess, huwa jibda jnaddaf u jitma lill-annimali l-oħra u jiġbor l-ordnijiet tal-ġbejniet.

Grace spjegat li l-ewwel ħaġa li tagħmel kif jiġi l-ħalib huwa li titfagħlu r-rennet. Ir-rennet huwa likwidu li jittieħed mill-istonku tal-ħaruf jew xi annimal ieħor li jkun jixrob il-ħalib. Dan jintuża biex jgħaqqad il-ħalib u tħallih madwar siegħa.

Wara hija titfgħu fil-qwieleb u ddawwarhom biex jieħdu l-forma. Tagħmlilhom il-melħ u tbattlilhom l-ilma u tħallihom fil-friġġ bejn sitta jew tmien sigħat. Wara jkunu lesti għall-ikel u jibda l-ippakkjar biex jaslu għand tal-ħwienet.

Filmat: Miguela Xuereb