Filmat: “Kienu jgħiduli biex ma nagħmilx PE; kont nipprova xorta”

Minkejja li bosta persuni kienu jgħidulu biex ma jipparteċipax fil-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika, Noel Aquilina kien jipprova xorta waħda.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Aquilina, tkellem dwar l-imħabba tiegħu lejn l-isport u x’ħeġġu jibda l-Malta Wheelchair Basketball Association.

Aquilina spjega kif l-imħabba għall-isport nibdtet minn tfulitu. Qal li hu qatt ma ħalla d-diżabilità tiegħu twaqqfu milli jkompli mat-tfal l-oħrajn waqt il-lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika (PE). Qal li bosta adulti kienu jgħidulu biex joqgħod lura. Sostna li kien jaf li huma kienu qed jgħidulu dan għall-ġid tiegħu, imma kien jipprova xorta waħda. Qal li kien jipprova bil-mod tiegħu u kien jirnexxielu xorta.

Hu u jikber innota li ma tantx kien hemm opportunitajiet fejn jidħol sport għal persuni b’abbiltajiet differenti. Qal li seta’ qata’ qalbu, iżda għażel li minflok jieħu dan bħala sfida. Aquilina spjega li hu dejjem iħares lejn dak kollu li jiġi għalih bħala sfida minflok ostaklu u jipprova minn kollox biex jirbaħ l-isfida. Qal li jekk ma jirbaħx, ma jkun ġara xejn u insista li jekk wieħed jasal 50% jew 70% dejjem aħjar milli ma jasal xejn.

“Ġieli kont trattat differenti”

Mistoqsi jekk kienx hemm persuni li trattawh b’mod differenti minħabba d-diżabilità tiegħu, Aquilina sostna li ġieli iva u ġieli le. Qal li hija xi ħaġa normali li s-soċjetà tipproteġi lill-persuni b’diżabilità. Sostna li l-problemi jibdew meta jkun hemm protezzjoni eċċessiva.

Irrimarka li meta wieħed jistaqsi lil xi ħadd jekk għandux bżonn l-għajnuna jaqsam it-triq u mbagħad jgħinu jekk dan jgħidlu iva mod. Iżda li wieħed jaqbad persuna minn idejha u jkaxkarha ta’ bilfors mod ieħor.

Jgħidilna dwar il-wheelchair basketball

Aquilina rrakkonta kif il-wheelchair basketball jintlab bl-istess mod bħar-running basketball. Spjega li l-għoli tal-baskets huwa l-istess, il-kobor tal-grawnd huwa l-istess, jintlab bl-istess regoli u b’tim ta’ ħamsa kontra ħamsa. L-imħabba għal dan l-isport wasslitu biex jibda l-għaqda bl-isem ta’ Malta Wheelchair Basketball Association.

“Ejja nibdew inħarsu lejn l-abbiltà u mhux id-diżabbiltà”

Aquilina appella lill-pubbliku sabiex minflok iħares lejn id-diżabilitajiet ta’ persuna, iħares lejn l-abbiltajiet tagħha. Spjega li jkun hemm bosta persuni li ma jingħatawx xogħol minħabba d-diżabiltajiet tagħhom u dan joħroġ mill-fatt li mhux kapaċi jaraw l-abbiltà ta’ persuna.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Noel huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Mistoqsi dan xi jfisser għalih, Aquilina qal li hu jaħdem maż-żgħażagħ bħala youth worker u l-għan tiegħu huwa dejjem li jservi ta’ eżempju għal ħaddieħor. Spjega li jammetti li għandu l-iżbalji u d-difetti tiegħu, bħal kulħadd, iżda dejjem jipprova jagħmel milli jista’ biex ikun eżemplari.

Filmat: Miguela Xuereb