Filmat: “Kienet il-ħolma tiegħi li nagħmel album ta’ kanzunetti personali” – Philip Vella

Fl-aħħar ġranet il-kantawtur Philip Vella nieda 60+ album ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti, li ġie mniedi b’mod uffiċjali nhar il-Ġimgħa waqt l-44 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, li matulu Philip kien mistieden wara li fis-sena ta’ qabel kien rebaħ l-istess festival bil-kanzunetta Il-Verità. Fil-fatt kien proprju minn din il-kanzunetta li sar il-punt tat-tluq għal dan l-album il-ġdid ta’ Philip.

“Minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nagħmel album ta’ kanzunetti personali, bi stili ta’ mużika
kif inħobb jien, mingħajr il-parametri ta’ kanzunetti li jridu jkunu addattati għall-festivals, kif kienu l-kanzunetta tal-albums preċedenti tiegħi. B’dan l-album, il-ħolma tiegħi saret realtà. Kelli ċ-ċans nesplora suġġetti li għandhom post ġewwa moħħi u ġewwa qalbi, kif ukoll stili ta’ mużika li nassoċja miegħi nnifsi, u fejn inħossni li jien komdu” qalilna l-kantawtur Mellieħi.

Fl-album 60+ insibu 13-il kanzunetta oriġinali, 12 minnhom kompluti kemm b’mużika kif ukoll b’lirika, u waħda li hija biss strumentali u għaldaqstant m’għandhiex lirika. Kull kanzunetta għandha produzzjoni ta’ Sean Vella, iben Philip.

Alfred C. Sant, il-Professur Joe Friġġieri, l-Onor. Evarist Bartolo, Joe Chircop u Paul Ellul huwa l-awturi tal-lirika tal-kanzunetti li wieħed isib fuq dan l-album.

Apparti tnedija tal-album, Philip nieda wkoll Ġenna u Infern, il-5 kanzunetta mill-album wara Allura, Il-Verità, Rajt Raġel u l-aktar waħda riċenti, Pà.

L-album 60+ jista’ jinxtara u jindaqq fuq diversi pjattaformi diġitali iTunes, Apple Music, Spotify grazzi għal Cap-Sounds.