Filmat: Kien hemm min qal “b’id waħda kif tista’ tagħmel dawn l-affarijiet?” – Julian

Matul is-snin, Julian Bajada ltaqa’ ma’ persuni li matul is-snin ma setgħux jifhmu kif b’id waħda seta’ jagħmel ċertu sport. Minkejja dan, hu minn dejjem kien tal-fehma li minkejja d-diżabilità li wieħed jista’ jkollu, xejn mhu impossibbli.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Bajada li għandu 26 sena u jaħdem bħala avukat tkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala atleta paralimpiku tal-għawm. Hu qasam id-determinazzjoni u l-imħabba li kellu lejn l-isport matul is-snin filwaqt li ħeġġeġ lil oħrajn jagħmlu bħalu.

Ma ħallhiex li d-diżabbiltà żżommu lura

Bajada spjega kif matul is-snin, hu ma ħallhiex id-diżabbilità żżommu lura milli jilħaq l-għanijiet tiegħu. Hu għandu id waħda, filwaqt li meta kien iżgħar għadda minn operazzjonijiet f’irkopptejh li wassluh biex ikun jista’ jipparteċipa aħjar fid-dinja tal-isport.

Hu rrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif l-isport għenu ħafna biex ma jippermettix li d-diżabilità tiegħu żżommu lura. Hu spjega kif meta kien iżgħar għamel perjodu fejn anke kellu jkun f’siġġu tar-roti. Qal li b’hekk ma setax jagħmel l-isport li kienu jagħmlu t-tfal l-oħra l-iskola u kien dejjem jispiċċa mal-ġenb, jara lil sħabu jilgħabu l-futbol. Qal li kien dejjem jispiċċa iżolat fl-isport.

“L-operazzjonijiet li għamilt kienu ta’ suċċess u bilmod il-mod bdejt nipparteċipa fl-isport, l-ewwel bħala hobby u mbagħad mill-aspett kompetittiv,” qal Bajada. Hu spjega kif minbarra l-għawm, li huwa l-passjoni tiegħu, matul is-snin ipprova sport differenti inkluż rowing, boxing, obstacle course racing fost oħrajn. Hu insista li minkejja d-diżabiltajiet li wieħed jista’ jkollu, kapaċi jasal biex jagħmel dak kollu li jrid jagħmel u li forsi jaħseb li huwa impossibbli. “Vera titgħallem li bażikament m’hemmx limitazzjonijiet fiżiċi,” insista Bajada.

“Inti żgur tista’ tagħmel hekk? Ngħinek?”

Bajada spjega kif matul is-snin sab persuni li ma fehmux li jaraw l-abbiltajiet tiegħu qabel id-diżabbiltà. Qal li ssib persuni li l-ewwel ħaġa li jgħidulu hija “inti żgur tista’ tgħamel hekk? Ngħinek?” Spjega li din il-mistoqsija jaffaċċjaha ta’ spiss u taffettwah kemmxejn ukoll. Spjega li aktar u aktar illum li għandu 26 sena, meta jkun hemm min jistaqsih din il-mistoqsija jibqa’ xxokkjat. Insista li hemm bżonn li kulħadd jibda billi jħares lejn l-abbiltajiet ta’ dik il-persuna u mhux il-limitazzjonijiet tagħha.

“Is-soluzzjoni hija li titgħallem tikkomunika mal-persuna biex tifhem il-pożizzjoni tiegħu. Minflok l-ewwel reazzjoni tkun difensiva, din għandha tkun kollaborattiva. Dak li jkun għandu jifhem is-sitwazzjoni ta’ persuna u jsib is-soluzzjoni,” irrimarka Bajada.

Hu tkellem ukoll dwar is-sodisfazzjon li joħroġ meta jiffoka fuq l-abbiltajiet tiegħu, partikolarment fl-isport. Qal li minbarra s-sodisfazzjoni tal-kompetizzjonijiet u l-ambizzjonijiet personali, l-isport itih aspett soċjali bir-relazzjonijiet li jibni mal-coaches u l-atleti l-oħrajn u jgħin ukoll fl-aspett tas-saħħa mentali għax l-isport jagħtih kunfidenza u jimbuttah ‘il quddiem.

Magħżul għall-proġett fotografiku tas-CRPD

Julian huwa wieħed mill-persuni li pparteċipaw fi proġett fotografiku tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) bl-isem ta’ Different is Normal. Is-CRPD kkummissjonat serje ta’ 12-il ritratt ta’ dawn il-persuni li għandhom diżabilitajiet differenti fosthom spina bifida, problemi bis-smigħ u l-vista tal-għajnejn, ADHD, awtiżmu u down syndrome. Huma qed jagħmlu numru ta’ attivitajiet differenti, bħat-teatru, żfin, logħob, bowling, għawn, fost oħrajn. Ir-ritratti ttieħdu mill-fotografu Darren Zammit Lupi u flimkien jirrappreżentaw l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-persuni.

Dwar kif iħossu li ntagħżel biex ikun parti mill-proġett tas-CRPD, Bajada qal li ħa gost li seta’ jkun parti mill-proġett. Irrimarka li bih, xtaqu juru li minkejja d-diżabbiltajiet differenti li jeżistu, wieħed irid ikun kapaċi jħares lejn l-abbiltà tal-persuna.

Hu tkellem ukoll dwar xi jfisser għalih it-titlu tal-proġett, il-frażi “Different is Normal”. Hu spjega kif minn meta kien żgħir, twieled bid-diżabilità u b’hekk li jkun differenti kienet parti minnu matul ħajtu kollha. Qal li kulħadd għandu xi ħaġa differenti, jista’ jkun li din ix-xi ħaġa tkun diżabbiltà, iżda jista’ jkun hemm differenzi fil-karattru u aspetti umani oħrajn. “Dak li jagħmilna differenti huwa dak li jagħmilna b’saħħitna,” irrimarka Bajada.

Karriera twila għal dawk li jidħlu għall-isport paralimpiku

Bajada huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Paralimpiku ta’ Malta. Hu spjega li l-kumitat jippromwovi sport speċifiku għal persuni b’diżabilità fiżika, kemm dawk li twieldu b’diżabilità fiżika u anke dawk li kellhom inċident trawmatiku u spiċċaw kellhom jgħaddu minn amputazzjoni jew forsi kellhom jibdew jagħmlu użu minn siġġu tar-roti.

Hu rrimarka kif matul is-snin indunaw kif fejn jidħol l-isport paralimpiku f’Malta, kull erba’ snin kien ikun hemm atleta wieħed biss li jitla’ jirrappreżenta lill-pajjiż fil-Paralympic Games u qabel u wara ma kien isir xejn. Minn hekk spjega li l-kumitat ried joħloq ambjent fejn jintroduċi aktar sport differenti u opportunitajiet. Spjega li qed jaraw li jqajmu kemm jista’ jkun kuxjenza u jkun hemm sforzi edukattivi li jħeġġu anke ġenituri ta’ tfal żgħar b’diżabilitajiet fiżiċi biex iressqu lil uliedhom lejn l-isport paralimpiku. “L-isport għax jista’ jtihom imbutattura kemm fiżika u mentali,” qal Bajada.

Spjega li fl-isport paralimpiku, l-atleti ħafna drabi jkollhom karriera itwal mill-atleti tal-olimpjadi. Qal li wieħed isib atleti paralimpiċi li għandhom 40 u anke 50 sena li jibqgħu jikkompetu u jibqgħu jirbħu l-medalji. Hu spjega li dan huwa raġġ ta’ tama għal persuni li jispiċċaw b’diżabilità fiżika aktar tard f’ħajjithom, b’kawża ta’ inċident u mhux mit-twelid. Qal li sitwazzjoni tat-tip ma jfissirx li għandhom jaqgħu qalbhom.

Hu rrimarka li l-isport kapaċi jittrasforma l-ħajja ta’ persuna u dan jgħidu kemm meta jħares lejn l-istorja personali tiegħu, kif ukol ta’ atleti paralimpiċi oħrajn. Qal li forsi veru li għall-bidu wieħed kapaċi jibża’ u ma jarax l-istampa sħiħa, iżda hu jappella biex dawn jippruvaw xorta waħda u bilmod il-mod jirnexxu wkoll.

Filmat: Miguela Xuereb