Filmat: “Kenny jinsab f’post aħjar milli ninsabu aħna” – Dolly

Il-kantanta ta’ 74 sena Dolly Parton ilbieraħ sellmet il-memorja tal-ħabib tagħha Kenny Rogers li miet jumejn ilu fl-eta ta’ 81 sena. Permezz ta’ filmat fuq Twitter, Parton dehret iżżomm ritratt tagħha u Rogers filwaqt li stqarret li meta marret biex tisma’ l-aħbarijiet dwar il-coronavirus malli fetħet għajnejha minflok semgħet l-aħbar li Rogers kien miet.

Hija u Rogers kienu ħbieb kbar u matul is-snin irrekordjaw bosta dwetti flimkien li jinkludu Undercover, I Believe in Santa Claus, Tell Me That You Love Me, Love Is Strange, With Bells On, Christmas Without You, Real Love, The Greatest Gift of All, Islands in the Stream u I Will Always Love You.

Hija qalet li tinsab ċerta li Kenny jinsab f’post aħjar milli ninsabu aħna llum u tenniet li temmen li Kenny se jkun qed ikellem lil Alla biex jitfa’ ftit dawl fuq id-dlam li qed jirrenja bħalissa fuq id-dinja tagħna.

B’qalbha maqsuma u mbikkma Dolly tenniet li tibqa’ tħobbu għal dejjem, b’riferenza wkoll għad-dwett I Will Always Love You, li hija kitbet fl-1974 u li snin wara nħarġet ukoll minn Whitney Houston.

Apparti l-messaġġ ta’ Dolly Parton, għadd ta’ personalitajiet oħra sellmu l-memorja ta’ Rogers. Dawn jinkludu l-preżentatur Andy Cohen, il-kantanta tal-mużika country Reba McEntire kif ukoll il-kantanta Gwen Stefani.

Minħabba fis-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus, il-familjari ta’ Rogers qalu li l-aħħar tislima lil Kenny Rogers se tingħata f’data li titħabbar aktar ‘il quddiem u li se tkun miftuħa biss għal ftit persuni.

F’Mejju li għadda Rogers, li kien irtira fl-2017 wara karriera ta’ aktar minn 60 sena, kien iddaħħal l-isptar minħabba f’nuqqas ta’ fluwidi f’ġismu.

Minbarra s-suċċessi ma’ Dolly Parton, huwa kellu għadd ta’ kanzunetti ta’ suċċess bħal The Gambler, Lucille, u Lady.Doll