Filmat: Kemmuna – Kinsa waħda għal ġol-baħar

L-atmosfera rilassanti f’Kemmuna, tard wara nofsinhar tista’ tinbidel f’waħda xejn pjaċevoli, hekk kif ħaddiema, allegatament beach cleaners imorru ‘jnaddfu’ x-xtajta.

Newsbook.com.mt irċieva diversi lmenti minn persuni li marru jqattgħu ftit ħin mal-familja u l-ħbieb f’Kemmuna.

Persuna tirrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif ftit wara s-6.30 p.m. waqt li kienet tgħum, fil-bajja ddomina storbju kbir li kien ġej minn mutur li bih beda jittella’ l-ilma baħar permezz ta’ pajp. Iddeskriviet dan l-istorbju bħala “ħsejjes tal-biża’”.

Tgħid kif dan kien għadu biss il-bidu ta’ din l-esperjenza kerha, għax wara li erbat irġiel bdew jitfgħu l-ilma biex inaddfu ż-żona, b’żewġ xkupi kinsu kollox għal ġol-baħar.

Dan wassal biex il-baħar bidel lewnu bil-ħamrija, sigaretti, karti, boroż u żibel ieħor li ntefa’ fih minn dawn il-ħaddiema.

It-‘tindif’ dam għaddej madwar nofsiegħa bil-konsegwenza li l-baħar inbidel f’miżbla.

Il-persuna li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li ħassitha tistħi bl-aġir ta’ dawn il-ħaddiema, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ turisti li ġew igawdu l-gżejjer Maltin.

Ħaddiema li jaħdmu f’Kemmuna kkonfermaw ma’ Newsbook, li dan l-aġir diżappuntanti jiġri ta’ spiss.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.