Filmat: “Kelli nitlaq minn Malta, ħallejt lil binti warajja”

Maltija miżżewġa raġel mill-Ghana spjegat kif meta ġiet biex tmur tgħix il-Ghana, kellha tħalli lil bintha Malta warajha.
Dan qalitu Christine Xuereb Seidu waqt il-programm Newsline for RTK 103FM, fejn irrakkuntat kif qabel ma żżewġet lir-raġel tagħha, kienet miżżewġa raġel Niġerjan li miegħu kellha tifla.
Hi spjegat kif għamlet 13-il sena trabbi lit-tifla waħedha mingħajr l-ebda tip ta’ manteniment minn missierha u għaldaqstant ma ħasbitx li kienet se tkun problema meta tiġi biex titlaq minn Malta.
Hi spjegat kif ir-raġuni għalfejn marret tgħix il-Ghana kienet minħabba l-ħars ikrah u l-kummenti li kienu jgħaddu l-Maltin fil-konfront tagħha, meta jarawha ma’ raġel ta’ ġilda skura. Minkejja li qalet li l-kummenti ma kienux idejqu lir-raġel tagħha insistiet li lilha kienu jweġġgħuha.
Irrakuntat kif issieltet il-Qorti sabiex tkun tista’ tieħu lit-tifla l-Ghana, iżda minħabba li l-Ghana qatt ma ffirmat il-konvenju kontra l-ħtif tat-tfal, li hija liġi internazzjonali li tgħid li l-pajjiż iwiegħed li jirrittorna lit-tfal lura pajjiżhom jekk jinstab li jkunu maħtufa, ġiet tidher qisha kienet se taħtaf lil bintha u għalhekk il-Qorti ma tagħtix permess.
Hi spjegat kif il-Qorti ddeċidiet li tagħti l-kustodja lill-omm Christine u għalhekk it-tifla qed tgħix Malta man-nanna tagħha, fejn hi tiġi żżura spiss.
“Ir-razziżmu ġegħlni nħossni m’inhix milqugħha f’pajjiżi”
Christine spjegat kif il-kummenti razzisti fil-konfront tagħha u tar-raġel tagħha kienu b’saħħithom biżżejjed li wassluha biex titlaq.
Spjegat kif darba minnhom, meta kienet tmur tiltaqa’ mar-raġel tagħha fin-negozju li kellu fil-Marsa, waqfet ħdejhom karozza tal-Pulizija sabiex taċċerta li l-mara ma kelliex bżonn għajnuna. Spjegat li din is-sitwazzjoni bikkmitha, għax kien jidher ċar li l-unika raġuni li waqfu jkellmuha kienet għax magħha kien hemm raġel ta’ ġilda skura.
Kompliet tgħid li darba oħra, fiż-żmien meta r-raġel tagħha kien jaħdem mal-Arriva, kien hemm xi nies li ppruvaw jakkużawh li kisser mera ta’ karozza bix-xarabank, f’ħin meta lanqas biss kien xogħol, sempliċiment minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.