Filmat: Fl-Indja, tingħata t-tiben għax saret tfajla u issa ma jistax ikollha tfal

Bholi, tifla ta’ 12-il sena mill-Indja ngħatat it-tiben mill-familja tagħha meta saret tfajla għall-ewwel darba. Spiċċat laqtet infezzjoni u issa ma jistax ikollha t-tfal. Hija kienet l-ispirazzjoni ta’ moviment li jrid jeduka lit-tfajliet dwar il-periods.

F’Goa, fl-Indja Newsbook.com.mt iltaqa’ ma’ żewġ rappreżentanti tal-moviment biex jiskopri aktar dwaru.

Il-Kap Eżeukttiv tal-moviment Niine, Richa Singh, qalet li għalkemm il-pads bdew jintużaw aktar f’żoni urbani fl-Indja, hemm żoni rurali li fihom hemm nisa li jużaw it-tiben, ir-ramel, jew xi maktur minflok.

Il-fundatur sar jaf bl-istorja ta’ Bholi, it-tifla li tilfet il-fertilità tagħha, u ried jibda moviment soċjali biex jeduka lin-nies fl-Indja dwar il-periods. Fl-Indja, kull sanitary pad tiswa madwar €0.38 (30 Rupee). Qalet li nisa f’ċertu żoni rurali jonfqu aktar fuq il-mowbajls u l-ġojjelli milli fuq affarijiet bħall-pads.

Gaurav, wieħed mill-imsieħba ta’ Niine qal li bdew jikkolaboraw ma’ organizzazzjonijiet bħal JCI u Lions Club biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Huma jgħallmu lin-nies kif jużaw il-pads u minn fejn jistgħu jixtruhom.

Ma’ Newsbook.com.mt Singh qalet li huwa importanti li l-periods ma jkunux suġġett ta’ tabu għall-irġiel. Fl-Indja madwar 40% tan-nies li jmorru jixtru huma rġiel u ħafna drabi jkunu l-irġiel li jiddeċiedu fuq xiex se jintefqu l-flus tad-dar.

Singh spejgat li l-problemi b’rabta mal-periods ma jeżistux biss fl-Indja imma anke fl-Ewropa. Sakemm ċertu nies ma jkollhomx kuntatt ma min jista’ jedukah.

Inti wkoll tista’ tgħin lil Niine. Għal aktar informazzjoni, idħol hawn.