Filmat: “Keċċewna fil-11 ta’ billejl; talbuna nirritornaw kollox” – Bdoti tal-Air Malta

Read in English.

Il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Piloti ta’ Malta (ALPA), Matthew Degiorgio qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ittra tat-tkeċċija lill-bdoti ntbagħtitilhom il-Ġimgħa fil-11pm u ntalbu jirritornaw l-affarijiet kollha li huma propjetà tal-kumpanija.

Il-bdoti ntalbu biex jirritornaw l-oġġetti meqjusa bħala propjetà tal-kumpanija fi Skyparks ilbieraħ waranofsinhar, għall-ħabta tat-3pm. Huma spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li wara li tkellmu mal-avukati tagħhom, dawn għarrfuhom li m’għandhomx jirritornaw l-oġġetti tal-kumpanija. Diversi mill-persuni li tkeċċew iżda, ddeċidew li jmorru fuq il-post xorta waħda u minflok jipprotestaw it-tkeċċija tagħhom.

Il-Qorti laqgħet rikors li għamlet l-ALPA wara li saret taf minn stqarrija tal-Air Malta li l-membri tagħha tkeċċew. Il-mandat ta’ inibizzjoni jitlob lill-Air Malta biex ma tkeċċix il-bdoti sakemm jinstema’ r-rikors quddiem il-Qorti nhar it-Tnejn 15 ta’ Ġunju.

Degiorgio spjega li l-ALPA kienet għaddejja b’diskussjonijiet kostruttivi u kienu qed jaraw kif jistgħu jagħmlu l-operat ħafna iktar effiċjenti u b’inqas spejjeż. Qal li wara laqgħa mal-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u maċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion, huma kienu assigurati li l-pakkett finanzjarju tagħhom ma kellhomx problemi bih għax kien wieħed kompetittiv fis-settur tal-avjazzjoni. Qal li dawn assigurawhom li mhux se jkun hemm tkeċċijiet u anke kienu ddiskutew il-possibilità li l-bdoti jirrinunzjaw id-drittijiet tagħhom f’ċertu klawsoli li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv.

Irrimarka li l-ALPA qabbdet professjonisti sabiex jaħdmulha l-costings tar-rinunzja ta’ klawsoli tal-ftehim kollettiv, talba li skonthom għamlet l-Air Malta stess. Qal li l-professjonisti kienu spjegaw li dawn il-klawsoli kienu jammontaw għal €73 miljun. Sostna li fl-ebda punt ma talbu għal €700,000 kumpens għal kull pilota.

Fi stqarrija l-ALPA spjegat iċ-ċifra ta’ €73 miljun li l-Gvern qal li l-ALPA talbet għall-pensjoni tal-irtirar kmieni tal-membri tagħha. L-ALPA qalet li wara li l-Air Malta għamlet il-kalkoli tagħha skont dak miftihem fil-Ftehim Kollettiv, l-Assoċjazzjoni qablet mal-Air Malta li din il-figura kienet tagħmel sens fiċ-ċirkostanzi preżenti. L-ALPA qalet li d-diskussjoni dwar dan kien se jibda qabel mal-linja tal-ajru ħabbret li keċċiet il-bdoti.

Degiorgio spjega li jinsabu sorpriżi hekk kif minflok risposta dwar dak li kienu qed jiddiskutu flimkien, spiċċaw irċevew ittra ta’ tkeċċija. Sostna li huma immedjatament raw x’kienu l-miżuri legali li jipproteġuhom u utilizzawhom.

Hu rrimarka kif l-Air Malta baqgħet tgħid li hi ma kinitx taf bil-mandat ta’ inibizzjoni minn qabel. Insista li b’dak li kienu qed jiddiskutu, kienu se jifrankaw €100 miljun fi spejjeż lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru mferrxa fuq 25 sena.