Filmat: Kavallier fuq l-Air Malta jiggwida dwar is-sigurtà

Kavallier animat huwa l-protagonista tal-filmat ġdid tal-Air Malta dwar is-sigurtà waqt it-titjiriet.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li bidlet il-filmat dwar is-sigurtà abbord li tuża ssoltu, biex tibda tgħarraf lill-passiġġieri tagħha dwar is-sigurtà b’mod aktar kreattiv u b’ton aktar pjaċevoli.
Fil-filmat il-Kavallier ta’ San Ġwann b’karattru kariżmatiku u mlibbes b’armatura kulur il-fidda, jgħaddi mill-proċeduri kollha li jiżguraw is-sigurtà abbord. Fost l-oħrajn jgħaddi minn proċeduri bażiċi dwar fejn u kif għandhom jitqiegħdu l-bagalji, u kif il-passiġġieri għandhom jaqflu ċ-ċinturini tas-sigurtà. Dan jiġi segwit b’aktar informazzjoni dwar x’għandhom jagħmlu l-passiġġieri f’każ ta’ emerġenza.
Il-filmat jinkludi wkoll ir-regolamenti li ġew approvati dan l-aħħar mill-Air Malta, li jippermettu l-użu ta’ mowbajls u tablets fuq flight mode waqt it-titjira kollha.