Filmat: Kappella tas-seklu 17 fil-periklu li tindradam qalb l-iżvilupp

Kappella storika tas-seklu 17 qiegħda f’riskju li tintradam qalb il-bini ta’ madwarha jekk applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp tiġi aċċettata.

Il-kappella ta’ Sant’Andrija, li nbniet fl-1657 fiż-żona magħrufa bħala Tal-Qares limiti tal-Mosta, qed tirriskja li titgħatta b’bini għoli ħames sulari. Is-sit jinsab biss erba’ metri ‘l bogħod mill-kappella.

Il-proposta tal-iżviluppatur mistennija titla’ quddiem il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar aktar tard dan ix-xahar. Ir-rapport tal-Case Officer qed jirrakkomanda lill-bord biex ma jagħtix dan il-permess.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross qal b’dan l-iżvilupp tista’ ssir ħsara lil din il-knsija billi tixxaqqaq u tintilef darba għal dejjem.

L-applikazzjoni ġiet sottomessa f’Marzu tas-sena l-oħra u qed tipproponi t-twaqqiegħ ta’ bini eżistenti biex minfloku jinbnew żewġ maisonettes, żewġ appartamenti u penthouse b’żewġ sulari u pool.

Ritratt: Luke Zerafa

‘Recommendation: REFUSE’

Il-Case Officer isemmi żewġ raġunijiet għalfejn din l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata. Jgħid li l-iżvilupp propost ma jqisx kif suppost il-prinċipji mmirati biex jagħtu protezzjoni u jtejjbu l-kwalità arkitettonika u l-aspett viżiv. Jgħid ukoll li l-iżvilupp propost imur kontra d-dispożizzjonijiet għal-linji gwida dwar il-bini.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-għaqdiet Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) u Din l-Art Ħelwa flimkien mas-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali kienu fost dawk li oġġezzjonaw formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fost l-argumenti tagħhom huma qalu li primarjament se ssir ħsara diretta fuq il-kappella u z-zuntier tagħha u possibilment anki fuq oġġetti arkeoloġiċi li jistgħu jiġu skavati waqt li jsir it-tħaffir f’din iż-żona magħrufa għall-istorja tagħha.

Barra dawn l-argumenti, is-Sovrintendenza għall-Patrimonju Kulturali appellat biex l-iżviluppatur jissottometti pjanti u dokumenti ġodda. Talbet ukoll għal rikjesti speċifiċi u qalet li jekk dawn ma jintlaħqux hija tkun kontra l-proġett.