Filmat: Kap differenti għall-Oppożizzjoni u għall-PN?

Read in English.

L-Oppinjonisti Ivan Bartolo u Peppi Azzopardi qablu li l-irwoli ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni jistgħu jkunu okkupati minn żewġ persuni differenti filwaqt li Dione Borg ma qabilx.

Il-possibiltà ta’ persuna differenti biex jaqdu dawn iż-żewġ irwoli kienet diskussa waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103 immexxi minn Fr Joe Borg.

Il-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia lbieraħ fl-intervista fuq Xarabank wissa’ kemm-il darba kontra din il-proposta tant li qal li ma jista’ qatt jittollera deputati li jaħsbu li l-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament jista’ jkun differenti mill-Kap tal-Partit.

Il-preżentatur tal-programm Xarabank Peppi Azzopardi qal li jemmen li Adrian Delia huwa kapaċi bħala Kap ta’ Partit għaliex ġab il-maġġoranza tat-tesserati iżda stqarr li jrid ikun hemm persuna oħra li taspira li tkun Prim Ministru u tikseb kredibiltà għall-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.

Dione Borg stqarr li m’għandux dubju li Adrian Delia għandu jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu għaliex qal li ma tistax tinjora s-surveys. Huwa sostna li din id-deċiżjoni jrid joħodha Delia nnifsu. Dione Borg qal ukoll li minn kif tkellem Delia waqt Xarabank juri li se jkun qed jirrispetta l-vot tat-tesserati jiġifieri li jibqa’ Kap tal-PN.

Fisser kif diġà hemm bidliet bħalma kienu l-ħames riżenji mit-tmexxija tal-PN li kienu, l-President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut, il-Koordinatur Politiku Jean Pierre Debono, il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Ivan Bartolo, li s-sajf li għadda mexxa kampanja biex ikun hemm vot fil-Kunsill Ġenerali tal-PN dwar it-tmexxija ta’ Adrian Delia qal li jaqbel mal-proposta ta’ żewġ persuni għal dawn iż-żewġ rwoli importanti. Spjega li l-Gvern u l-partit huma żewġ bastimenti kbar li jixirqilhom persuna differenti għat-tmexxija.