Filmat: “Kanzunetta li tirrifletti r-realtà ta’ ħafna” – Amber

That’s Life hi kanzunetta ġdida li għadha kif ħarġet il-kantanta Amber. Din hi silta li se tkun inkluża fuq it-tieni album tagħha li l-kantanta mistennija toħroġ is-sena d-dieħla.

Irrekordjata fuq it-tikketta WickedandLoud Records, li huma wkoll id-distributuri tad-diska, din il-kanzunetta tirrifletti r-realtà li bosta nies jiffaċċjaw f’ħajjithom.

Ritratt: Olwyn Jo

“L-istorja hija dwar relazzjoni li ħadet daqqa ta’ ħarta meta xi ħadd minn koppja bidel lill-ieħor. Hija storja fittizja iżda li però bosta jistgħu jirrelataw magħha. Sfortunatament din hija r-realtà ta’ ħafna. Madanakollu meta s-sitwazzjoni tkun ħadet daqqa ta’ ħarta, wieħed irid jitgħallem jinħall. L-affarijiet mhux dejjem kif nixtiequhom aħna, u bosta drabi irridu naċċettaw is-sitwazzjoni kif inhi, għax dik hija l-ħajja,” ikkummentat Amber li kitbet il-lirika u l-mużika ta’ din is-silta.

Il-produzzjoni mużikali ta’ That’s Life hija ta Matteo Depares għal WickedandLoud filwaqt li l-kunċett tal-vidjow mużikali huwa ta’ Olwyn Jo u Sam Dalli.