Filmat: “Kanzunetta li tirrifletti l-identità awtentika Maltija” – Drakard

Fil-Pjazza Tar-Raħal - Drakard

🎤 Kanzunetta oriġinali ta' ENZO Gusman🎵 Mużika: Enzo Gusman 📝 Lirika: Enzo Gusman🎚 Rikording, Mixing: Kaya @ Singer Stage Studios 🎥 Vidjo Mużikali: Ekaterina Camilleri @ Insight Media Creations 🤵🏻 Stilista: Antonio Muscat ✂️ Xagħar: Josmar's classic scissors

Posted by Drakard on Thursday, July 16, 2020

Il-kanzunetta popolari Il-Pjazza tar-Raħal ta’ Enzo Gusman għadha kif reġgħet inħarġet mill-kantant żagħżugħ Drakard.

Maħruġa oriġinarjament fl-1975, il-kanzunetta Fil-Pjazza Tar-Raħal tal-kantawtur Enzo Gusman kienet rebħet konkors internazzjonali fost tant u tant pajjiżi, li lkoll ippreżentaw kanzunetti bil-lingwa tagħhom, iżda kienet il-lingwa Maltija mirquma bl-isbaħ mod li rebħet l-aqwa kanzunetta.

L-għażla tal-kantant żagħżugħ ta’ 16-il sena waqgħet fuq din il-kanzunetta għal żewġ raġunijiet prinċipali, l-ewwel waħda hi li hu jħobb ikanta bil-lingwa Maltija għax iħoss li biha jesprimi ruħu kif verament jixtieq; infatti lura għas-sena 2017 kienet rebaħ l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bil-kanzunetta Dwell fi dwett.

It-tieni raġuni li Drakard jagħti hi li kanzunetta bħal din ma tmut qatt. Hu jistqarr, “Jgħaddi kemm jgħaddi żmien minn fuqha inħoss li kanzunetta bħal din tagħti kontribut lill-kanzunetta Maltija, għax ġejja minn żmien li l-kanzunetti jirriflettu l-identità awtentika Maltija.”

Il-kantant żagħżugħ iqis lil Enzo Gusman wieħed mill-aqwa kantawturi lokali. Drakard jgħid, “Il-mod kif Enzo jwassal il-messaġġ ta’ kull kanzunetta hu wieħed inkredibbli speċjalment fil-kanzunetti li kiteb hu. Il-mod ta’ kif iżewwaq il-kliem mal-mużika hu wieħed tassew speċjali.”

Drakard jirringrazzja lil Enzo li tah il-permess jaħdem fuq din il-kanzunetta li hi tant u tant għal qalbu.

Il-filmat mużikali ta’ Fil-Pjazza Tar-Raħal ġie miġbud fir-raħal taż-Żurrieq. L-għażla għal Drakard kienet waħda naturali minħabba l-fatt li hu trabba f’dan ir-raħal pittoresk Malti u għadu jgawdih sal-ġurnata tal-lum.

Maħruġa oriġinarjament fl-1975, il-kanzunetta Fil-Pjazza Tar-Raħal kantata mill-kantawtur Enzo Gusman kienet rebħet konkors internazzjonali fost tant u tant pajjiżi. Pajjiżi li lkoll ippreżentaw kanzunetti bil-lingwa tagħhom, iżda kienet il-lingwa Maltija mirquma bl-isbaħ mod li rebħet l-aqwa kanzunetta.