Filmat: Kanzunetta ġdida ta’ Janice Mangion

Sena wara s-suċċess tal-kanzunetta Warda, li fi ftit sigħat laħqet il-quċċata tal-klassifika lokali fil-ħanut digitali iTunes, apparti li ngħatat promozzjoni fuq diversi stazzjonijiet tar-radju lokali kif ukoll internazzjonali, Janice Mangion tniedi kanzunetta ġdida, Xewqti.

Bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Cyprian Cassar, tim responsabbli mill-aħħar kanzunetta li rrapreżentat ‘l Malta fil-Junior Eurovision Song Contest, il-kanzunetta Xewqti għandha messaġġ soċjali bil-għan li titqajjem kuxjenza kontra l-użu tal-internet għal skopijiet ħżiena, speċjalment dawk tal-ibbuljar.

“Ħassejt li għandi naħdem fuq din il-kanzunetta għaliex ninsab iddiżappuntata mmens li ngħixu f’soċjeta fejn minn wara skrin tal-kompjuter, fuq is-siti soċjali, ngħidu dak kollu li jiġi f’moħħna bla ma naħsbu jekk hux ħa nweġġgħu lil ħaddieħor,” tgħid Janice Mangion dwar il-kanzunetta b’ċertezza liema bħalha f’leħinha.

Matul dawn l-aħħar 12-il xahar, Janice żammet lilha nnifisha okkupata b’diversi prestazzjonijiet, inkluż fil-festival Discovery Fest fejn ġiet mogħtija t-titlu tal-aħjar vuċi wara prestazzjonijiet tal-kanzunetti Listen, kif ukoll Warda li kienu deskritti minn dawk preżenti bħala eċċellenti; filwaqt li pparteċipat fil-proġett annwali Ħelu Bambin b’risq id-Dar tal-Providenza bil-kanzunetta Twieled il-Messija u żewġ proġetti fid-dinja tal-moda b’kollaborazzjoni mad-disinjaturi Gaetano u Maria Cutajar.

Megħjuna bil-viżwal maħluq mill-produttur Matthew Muscat-Drago, il-kanzunetta Xewqti intweriet għall-ewwel darba fuq it-televixin fid-28 ta’ Frar, wara li għamlet id-debutt  zagħha fuq ir-radjijiet lura fil-15 ta’ Frar. Dan kien possibli grazzi għall-Ironic PR & Artist Management kif ukoll CAP-Sounds li segwew l-andament kollu għall-professjonalita assoluta.

Għal aktar informazzjon, idħlu fis-siti soċjali fuq Facebook, Twitter, u Instagram.

Il-kanzunetta tista’ tinxtara minn hawn.