Filmat: Kantanti Maltin b’vuċi waħda għal Richmond Foundation

Organizzazzjoni fir-Russja stiednet lil Claire McCartin u Rebecca Mifsud sabiex jirrappreżentaw lil Malta billi jkantaw vers bil-Malti f’rendizzjoni tal-kanzunetta maħluqa minn Igor Matvienko.

Il-messaġġ pożittiv ta’ din is-silta saħansitra ispirahom biex jiktbu l-kanzunetta sħiħa bil-Malti u stiednu 13-il kantant lokali u disat itfal biex jieħdu sehem f’dan il-proġett. Minħabba l-miżuri ta’ prekawzjoni li kienu fis-seħħ, kull artist kellu jiffilmja lilu nnifsu jkanta l-vrus tiegħu u ħafna minnhom fil-fatt għażlu li jagħmlu dan fid-dar tagħhom stess.

L-artisti li jidhru jkantaw fil-vidjow tal-kanzunetta Għix huma Ivan Grech, Andrè Portelli, Claire McCartin, Raqula Dalli Gonzi, Neil Grech, Rebecca Mifsud, Victorio Gauci, Maya Morrow, Chris Grech, Dorothy Borg Bonaci, Stefania Grech Vella, Roger Tirazona u CAIN, li kiteb ukoll il-parti tar-rap. Id-direzzjoni hija ta’ Karl Alin Galea.

Kien biss grazzi għad-dedikazzjoni u mpenn tal-artisti kollha flimkien mat-tim tal-produzzjoni minn TwelveGold u Somnio Studios li dan il-proġett seta’ jitwettaq.

It-tim wara din il-kanzunetta iħoss illi permezz ta’ dan il-proġett jista’ jrodd lura lill-komunità. Għaldaqstant issieħeb mal-Fondazzjoni Richmond sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar ix-xogħol siewi li din il-fondazzjoni tagħmel fil-qasam tas-saħħa mentali. Huwa importanti ħafna li nitkellmu dwar dan is-suġġett b’mod partikolari f’dan iż-żmien delikat fejn ilkoll kemm aħna ġejna b’xi mod milquta mill-imxija talCovid-19.

Huwa importanti wkoll li ngħinu lill-Fondazzjoni Richmond permezz tad-donazzjonijiet tagħna sabiex din tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi tagħha lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.