Filmat: Kantanta Maltija tirbaħ il-Premju Mia Martini

Il-kantanta Maltija ta’ 14-il sena Anna Salimon rebħet il-25 edizzjoni tal-Premju Mia Martini li sar f’Calabria. Hija pparteċipat b’kanzunetta miktuba minn S. D’Ambrisio.

Il-kompetizzjoni bdiet aktra kmieni din is-sena meta f’April tħabbar li Salimon kienet finalista f’din l-edizzjoni li l-finali tagħha sar bejn l-10 u t-12 ta’ Ottubru.

Il-ġurija kienet komposta mill-kantawtur Franco Fasano; il-mużiċist Francesco Malpena; Deborah Lurato, rebbieħa tat-13-il edizzjoni ta’ Amici; il-kantanta Debbie Summa u l-kantanta li kisbet suċċess permezz ta’ The Voice Suor Cristina.

Il-ġurija ta’ din l-edizzjoni

Din hi l-ewwel darba li dan il-premju ntrebaħ minn xi ħadd Malti u jidher li hemm interess biex issa jkun hemm aktar preżenza Maltija fl-edizzjonijiet li jmiss. Qed jiġi maħsub li jsiru diversi auditions f’pajjiżna ‘l quddiem.

Anna ilha tkanta minn mindu kellha 7 snin u ħadet sehem f’għadd ta’ festivals lokali kif ukoll f’pajjiżi bħall-Bulgarija, l-Ungerija, id-Danimarka, Moska u r-Repubblika Ċeka. Ħadet sehem u rebħet ukoll kompetizzjoni f’Hollywood.

Anna mal-għalliema tagħha tal-vuċi Claire McCartin

Wara r-riżultat sabiħ li kisbet f’Calabria għall-Premju Mia Martini, Anna issa qed tħejji għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Europe Music fest 2020.

Anna Salimon tagħmel parti mill-Fivestar Production Agency u Diamond Sound Music.