Filmat: Kaċċatur jinqabad b’arma illegali barra mill-istaġun – CABS

Read in English.

Kaċċatur inqabad juża arma tan-nar illegali meta l-istaġun tal-kaċċa kien magħluq, skont il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS).

Fi stqarrija, il-CABS qal li membri tagħha ġibdu l-filmat tal-kaċċatur il-Ġimgħa waranofsinhar. Qalet ukoll li l-kaċċatur ġie identifikat mill-Pulizija u li se jitressaq il-Qorti.

Il-CABS qalet li l-kaċċatur kien qed juża sport shooting automatic air rifle. “Immedjatament ċempilna lill-pulizija tan-Naxxar li waslu f’25 minuta. Sfortunatament il-kaċċatur laħaq telaq mid-dura u saq l’hemm qabel ma’ wasslu l-pulizija, però rnexxielna niġbdulu wiċċu fil-filmat, l-arma tan-nar tiegħu, u l-pjanċa tal-karozza tiegħu,” qalet il-CABS Wildlife Crime Officer Fiona Burrows.

Il-filmat tal-CABS juri li l-kaċċatur immira l-arma fid-direzzjoni tat-tim tagħhom.

Intqal li għadu mhux magħruf jekk l-arma tal-kaċċatur instabitx jew le.

Fil-bidu ta’ Marzu BirdLife Malta, flimkien mal-pulizija tat-taqsima tal-Infurzar tal-Liġi Amministrattiva (ALE), sabet mansab illegali fil-Kalkara, li fih kienu qed jinżammu 23 għasfur maqbud illegalment f’gaġeġ. Dawn ġew ikkonfiskati.

BirdLife Malta tappella għal aktar responsabbiltà

BirdLife Malta esprimiet ir-rabja tagħha għall-ammont ta’ kaċċa u nsib illegali li għadu għaddej fil-kampanja anka f’dan iż-żmien fejn Malta għaddejja minn kriżi minħabba l-COVID-19. Stqarret li hija ħasra li xi għasafar li qed ipassu lejn l-Ewropa biex ibejtu qed jinqatlu jew jinqabdu f’Malta. BirdLife Malta appella għal aktar responsabbiltà fi żmien fejn ir-riżorsi tal-pajjiż qed jiffukaw aktar fuq il-pandemija tal-coronavirus.

BirdLife Malta rringrazzjat lil dawk kollha li qed jaħdmu biex jindirizza is-sitwazzjoni tal-pandemija f’Malta.