Read in English.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li daħħal lil Justyne Caruana lura fil-Kabinett għax huwa “ċarissimu” li hi ma kellha l-ebda involviment f’dak li hu allegat dwar żewġha Silvio Valletta.
Justyne Caruana kienet Ministru għal Għawdex iżda rriżenjat ftit jiem wara li ħadet il-ġurament tal-ħatra f’Jannar li għadda meta ġie żvelat li żewġha, eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija, siefer ma’ Yorgen Fenech wara li dan ġie identifikat bħala persuna ta’ interess fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Yorgen Fenech ilu sena taħt arrest preventiv, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Bir-reshuffle tal-Kabinett tas-Sibt li għadda, Caruana reġgħet saret Ministru, din id-darba Ministru tal-Edukazzjoni. Mistoqsi mill-ġurnalisti għaliex reġa’ taha ministeru, il-Prim Ministru qal li hija mara kompetenti u li jixirqilha.
Apparti hekk, huwa saħaq li jekk żewġha kellu xi involviment f’dak li hu allegat, hija ma kinitx involuta. Barra minn hekk, wara r-riżenja tagħha, il-koppja sseparat.
Il-Prim Ministru temm jgħid li d-deċiżjoni tiegħu kienet ibbażata fuq x’għamlet u x’m’għamlitx Justyne Caruana.
Silvio Valletta qed jiġi investigat mill-Pulizija.