Filmat: Jurassic World se jinħadem f’serje animata ġdida għat-televiżjoni

Is-serje ta’ films ta’ Jurassic World se tkompli bi proġett ambizzjuż għat-televiżjoni li se jkun lest sas-sena d-dieħla.

Jurassic World: Camp Cretaceous hu l-isem ta’ din is-sensiela li se titwassal minn DreamWorks, il-kumpanija ta’ Steven Spielberg, b’kollaborazzjoni ma’ Netflix. L-istorja se tkun immirata lejn udjenza żagħżugħa.

L-istorja ta’ dan il-kapitlu ġdid fl-istorja ta’ Jurassic World isseħħ fuq Isla Nublar li kienet inqerdet fil-film Jurassic Park tal-1993, u li mbgħad rajniha mibnija mill-ġdid f’Jurassic World fl-2015 u meqruda fl-2018 wara li żbroffa vulkan fi’Jurassic World: Fallen Kingdom.

Sitt itfal ikunu qed jgħixu f’partu oħra ta’ Isla Nublar, li tkun magħrufa bħala Camp Cretaceous. Hawnhekk it-tfal ikunu qed jingħataw esperjenza biex jgġixu weħidhom.

Iżda meta t-theme park ewlieni, kif kien ġara fil-film tal-2015, jgħaddi minn diżastru sħiħ, anki Camp Cretaceous ikun fil-periklu, u b’hekk tibda din l-istorja ta’ dawn is-sitt protagonisti li issa jridu jsibu mod kif isalvaw minn dan il-periklu.

Din il-ġrajja televiżiva mhu se jkollha xejn x’taqsam mas-sitt film għaċ-ċinema li mistenni joħroġ fl-2021.

L-aħħar film li kien inħareġ fl-2018, Jurassic World: Fallen Kingdom daħħal biljun dollaru mill-box office madwar id-dinja.

Segwi hawnhekk il-filmat li ħareġ fl-aħħar sigħat dwar is-serje animata ġdida ta’ jurassic World: