Filmat: Joseph Calleja f’Jum il-Milied fuq it-TV

Read in English.

Għal jum il-Milied fis-1pm, TVM se jkun qed iwassal programm speċjali Calleja 2020 li matulu t-tenur Joseph Calleja se  jkanta klassiċi popolari minn postijiet spettakolari madwar Malta u Għawdex.

Calleja, li huwa wkoll in-narratur waqt dan il-programm ta’ siegħa, se jkun qed jidher f’ambjenti li juru l-Gżejjer Maltin fl-aqwa tagħhom. Dawn il-postijiet ivarjaw mill-kapitali l-antika maestuża ta’ Malta l-Imdina sal-Port il-Kbir tal-Belt Valletta u t-Tempji tal-Ġgantija ta’ Għawdex

It-tenur Malti qatta’ bosta ġimgħat fuq il-post jirrekordja favoriti familjari bħal Maria, You’ll Never Walk Alone u Amazing Grace – li huma nkużi fuq l-aktar album riċenti tiegħu The Magic of Mantovani. Dan minbarra mużika mill-kompożitur Enrico Morricone u siltiet popolari bħal Recondita Armonia u E Lucevan Le Stelle mill-opra Tosca ta’ Puccini.

“Din kienet sena straordinarja u ridna ngħaqqdu programm straordinarju li juri lil Malta fl-aqwa tagħha u jpoġġi tbissima fuq wiċċ in-nies,” ikkummenta Joseph Calleja.

Huwa żied jgħid ukoll  li waqt li kien qed ikanta f’dawn il-postijiet fakar f’kemm dan il- pajjiż huwa sinjur f’termini ta’ sbuħija u storja.

“Kull post għandu storja x’jirrakkonta – u nispera li t-telespettaturi jieħdu pjaċir jaraw il-programm daqskemm ħadna pjaċir nagħmluh,” kompla jgħid.

Waqt il-programm Calleja 2020 se naraw ukoll it-talenti tas-sopran Ingliża Carly Paoli, is-sopran Taljana Carmen Giannattasio, is-surmast Gianluca Marciano u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Dan il-proġett għandu produzzjoni ta’ NnG Promotions bil-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Bank of Valletta u Heritage Malta.

“Irrid nirringrazzja lil kull min ikkollabora miegħi biex dan il-proġett mill-isbaħ ikun possibbli,” qal Calleja.