Filmat: Jonqos ix-xogħol b’lura tat-Tribunali Ekkleżjastiċi

Ix-xogħol b’lura tat-Tribunali Ekkleżjatiċi f’Malta u Għawdex jidher li qed jonqos. Dan ġie kkonfermat waqt l-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja li saret fil-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta.

Fi stqarrija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta ġie spjegat li din l-inawgurazzjoni ġiet imqanqla mix-xewqa tal-Papa Franġisku li t-tribunali tal-Knisja juru dejjem iktar il-kontabbilità fil-ħidma tagħhom u jkunu eqreb lejn il-komunità ta’ fidi li huma jaqdu.

Il-mistieden speċjali għal din is-sena kien l-E.T. Monsinjur Maurice Monier, il-Pro-Dekan tat-Tribunal Appostoliku tar-Rota Rumana. Hu kien ukoll involut fil-kummissjoni li f’dawn l-aħħar snin irriformat il-proċessi ta’ nullità taż-żwieġ permezz tad-dokument dwar it-tema “l-evlawazzjoni tal-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet u x-xhieda fil-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ; id-duttrina u l-prassi preżenti tar-Rota Rumana.”

L-inawgurazzjoni bdiet b’diskors tal-Arċisqof Charles Scicluna fejn qal li l-pedament tal-ġustizzja hija l-verità, u li l-ġustizzja mhijiex biss virtù kardinali, iżda wkoll marka ta’ ċiviltà. Intant tliet Vigarji Ġudizzjarji tkellmu dwar is-sena ta’ ħidma tal-2018 u semmew kif ir-riforma li saret fl-2015 u l-organizzazzjoni aħjar tat-tribunali qed jagħti l-frott tagħhom.