Jasal lura Malta Pierre Baldacchino – Filmat juri l-ħelsien tiegħu

Aġġornata 19:10
Milied speċjali għall-familja Baldacchino hekk kif iIlejla wasal lura Malta Pierre Baldacchino, li nżamm ostaġġ għal disat ijiem fil-Libja u nħeles nhar it-Tlieta li għadda.
Huwa rritorna fuq titjira apposta minn Mitiga u ngħaqad mal-familja tiegħu.
L-ajruplan niżel f’Malta għall-ħabta tas-6.45pm.
Fuq it-titjira akkumpanjawh iċ-ċermen tal-Isptar Saint James, Josie Muscat u d-direttur internazzjonali Jean Claude Muscat.
Aktar kmieni llum ittella’ l-filmat ta’ meta Baldacchino nħeles minn fejn kien qed jinżamm ostaġġ fi Tripli. 
Fil-filmat jidhru u jinstemgħu l-membri tal-grupp Radda, jidħlu fil-post fejn il-Malti kien qed jinżamm priġunier. 
Ġaladarba nħeles, Pierre għannaq lil sieħbu tabib, li spiċċa biex anke hu ġie mhedded b’ħajtu mill-grupp li ħataf lil Baldacchino. 
Dan għaliex skont Pierre, l-aggressuri kienu qed jitkellmu ma’ sieħbu dwar il-kumpens. 
Pierre Baldacchino ta’ 36 sena minn Marsaxlokk u missier ta’ żewġt itfal, inħataf nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru, meta kien qed isuq lejn id-dar mix-xogħol fi Tripli.
Lejn l-aħħar tal-highway qasmet karozza minn quddiemu u minnha ħarġu nies armati u mgħammda li ħaduh magħhom fil-karozza. 
Pierre jgħid li dawn kienu qed ifittxu apparat bħal GPS u saħansitra qattgħulu l-ħwejjeġ biex ifittxu jekk għandux xi ħaġa moħbija fuqu. 
Dawk li ħatfuh kienu qed jitolbu rahan ta’ €5 miljun. 
Wara aktar minn ġimgħa bħala ostaġġ, Pierre jiddeskrivi lill-irġiel li salvawh bħala “anġli”. 
Baldacchino jaħdem bħala direttur fl-Isptar St James fi Tripli, fejn ilu jaħdem għal tliet snin.