Filmat: Joffru għajnuna lill-immigranti li jridu jirritornaw f’pajjiżhom

Il-proġett Assisted Voluntary Return and Reintegration in the Country of Origin – Restart VI joffri għajnuna lill-immigranti li ħafna drabi jkunu ġejjin mill-kontinent Afrikan biex jerġgħu jinteġraw lura f’pajjiżhom f’mod volontarju, kif ukoll jassistu lill-Gvern Malti biex joħloq politika sostenibbli dwar dan is-suġġett.

Fit-taħdita li saret mill-Organizzazzjoni Internazzjonali dwar l-Migrazzjoni (IOM) fil-bini tal-fondazzjoni OASI, ġie spjegat li l-għan ta’ din it-taħdita huwa li joħolqu iktar kuxejnza dwar dan il-proġett.

L-IOM tassisti lil dawn il-persuni f’kull fażi ta’ dan il-proġett. L-ewwel tibda billi l-ewwel tiltaqa’ man-nies u xxerred l-informazzjoni dwar dan il-proġett, toffri sessjonijiet ta’ counselling u tassisti wkoll fil-loġistika biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jitilqu minn Malta. L-organizzazzjoni toffri wkoll sapport biex kemm jista’ jkun dawn il-persuni jerġgħu jintegraw f’pajjiżhom u fejn hu possibli tibqa’ f’kuntatt magħhom.

Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond għall-ażil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni u mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.