Filmat: Johanna akkumpanjata bil-muturi għall-aħħar tislima

Għexieren ta' sewwieqa tal-muturi akkumpanjaw lil Johanna Boni mill-isptar Mater Dei sar-rotunda tal-Mosta fejn ingħatat l-aħħar tislima.
Mijiet ta' persuni oħra nġabru fl-istess knisja fejn dalgħodu sar il-funeral ta' Johanna.
Johanna, ta’ 27 sena, tilfet ħajjitha f'inċident traġiku nhar it-Tlieta f'inċident tat-traffiku bil-mutur.
Diversi persuni li tkellmu ma' Newsbook.com.mt fakkru lil Johanna bħala żagħżugħa determinata u mimlija ħajja. Qalu wkoll li t-telfa tagħha se tħalli vojt f'ħajjithom.
Fl-Omelija tiegħu, Fr Ray Toledo qal li kif ra l-inċident, mar lura d-dar biex iġib stola u kurċifiss biex jamministra s-sagrament tal-Griżma tal-morda fuq it-tfajla. Jirrakkonta kif malli wasal fuq il-post talab fuq il-vittma biex ir-ruħ tagħha tgħaddi mill-mewt għall-ħajja ta’ dejjem.
Iċ-ċelebrant qal ukoll li "lkoll għandna nemmnu f'Alla biex Alla jkompli jagħtina l-grazzji li jixirqilna." Kompla jgħid li bil-verità li jurina Alla, aħna nkunu kapaċi nagħrfu li “Alla huwa t-triq, il-verità u l-ħajja".
Tenna li "il-Missier huwa r-Ragħaj it-Tajjeb u għalhekk imur ifittex in-nagħġa l-mitlufa u jgħannaqha miegħu."
Filmat u ritratti: Reel8 Productions Ltd.