Filmat: Jiżvela tattika li jużaw it-traffikanti tad-droga fuq l-ajruplani

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti żvela metodu li jużaw it-traffikanti tad-droga biex jgħaddu d-droga mill-ajruport. Il-metodu jinvolvi l-użu ta’ żewġ persuni differenti.

Chetcuti kien qed jgħid dan waqt il-programm Follow-Up for RTK 103 FM.  Chetcuti kkonferma li l-metodu jinvolvi persuna li jkollha kwantità żgħira tad-droga fuqha u persuna oħra b’kwantità ferm akbar. It-traffikanti stess jixfku lill-persuna bi ftit droga mal-awtoritajiet biex imbagħad il-persuna l-oħra li tkun qed iġġorr l-akbar ammont ta’ droga tiżgiċċa.

Chetcuti spjega li l-ajruport huwa biss fruntiera waħda minn dawk li jipproteġi d-Dipartiment tiegħu.

X’nafu dwar id-droga?

Spjega li l-maġġoranza tad-droga kokaina toriġina mill-Amerka t’Isfel. Qal li hemm issib suq qawwi ta’ kultivar u proċessar tal-kokaina. Id-destinazzjoni finali mbagħad tkun l-Ewropa. Enfasizza li l-qabdiet il-kbar li kien hemm fl-2019 fil-Port Ħieles ma kinux intenzjonati li jidħlu fis-suq Malti. Chetcuti enfasizza li jkun hemm moviment ta’ 50,000 container kuljum – fil-maġġoranza tagħhom dawn ikollhom kollox kif suppost.

Chetcuti qal li d-droga trendi profitti kbar. Qal li l-produzzjoni tagħha tiswa ftit li xejn però din tinbigħ bi prezz għoli. Skont id-direttur, jekk grupp kriminali jgħaddi 20 container minn Malta u d-Dwana tinterċetta 19 minnhom, b’dak il-container li jirnexxielu jgħaddi xorta jispiċċa jagħmel profitt.

Id-droga fil-Port Ħieles dieħla minn “ċrieki b’saħħithom”

Kif ikunu jafu li hemm id-droga?

Chetcuti elenka diversi modi kif l-uffiċjali tad-dwana jsibu d-droga fil-containers:

  • Jingħataw informazzjoni dwar xi container partikolari
  • Intelliġenza minn aġenziji esterni
  • Intelliġenza lokali (servizz sigriet, il-Pulizija, eċċ.)
  • Korpi tad-Dwana barranin
  • Element ta’ sorpriża (spezzjoni fuq container għall-għarrieda)

Chetcuti spjega li ssir spezzjoni tad-dokumenti kollha tal-containers. Minn hemm wieħed diġà jkun jista’ jieħu ċertu informazzjoni – x’qed iġorr, x’portijiet mess qabel ma’ ġie Malta, u x’kumpanija hemm warajh fost affarijiet oħra.

Chetcuti qal li d-Dwana għandhom apparat li jintuża wkoll barra minn Malta li permezz tiegħu jittieħed X-ray tal-container. B’hekk l-uffiċjali jkunu jistgħu jaraw x’fih u jekk ikunx hemm affarijiet inkonsistenti.

€57 miljun droga maqbuda mid-Dwana

Id-direttur enfasizza l-importanza tat-taħriġ li jingħataw l-uffiċjali. Madanakollu qal ukoll li hemm bżonn element qawwi ta’ perseveranza.

“Min jaf kemm il-darba konna konvinti li se nsibu dak li qed infittxu u noħorġu diżappuntati,” qal Chetcuti. Żied jgħid li jkun hemm drabi oħra li jkunu viċin ta’ sejba, imma ma jaslu mkien għax il-kriminali jkunu pass qabilhom. Però, jkun hemm ukoll mumenti fejn id-dipartiment ikun żewġ passi qabel il-kriminali.

Skont id-Direttur meta jkun qed jinqabad ammont kbir ta’ droga, jirraġuna li t-traffikanti jkunu qed jitfgħu aktar droga fil-containers. “U aktar ma naqbdu aktar se jibqgħu jitfgħu,” saħaq Chetcuti li żied jgħid li “hi ġlieda li mhu se tintrebaħ qatt”.

Il-kumpaniji tal-containers imdaħħlin fil-biċċa?

Fi kliem Chetcuti, il-kumpaniji li jibagħtu l-containers ma jkunux neċessarjament involuti fit-traffikar tad-droga. Qal li jkun hemm każijiet fejn traffikant jikkontamina container u jagħmel siġill ieħor minflok dak li jkun inkiser. Qal li jkun hemm ukoll containers li d-droga titpoġġa fuq in-naħa ta’ barra tagħhom.

Inqabdu mal-€58 miljun f’kokaina mill-bidu tas-sena s’issa

X’jiġri mid-droga?

Chetcuti spjega li d-droga li tinstab, tinqered mill-Pulizija f’inċineratur. Id-Dwana tgħaddi kull każ lill-Pulizija peress li m’għandhiex il-poteri li tinvestiga.

Tista’ tara l-intervista sħiħa minn hawn.