Filmat: Jixhed Casa: Fiduċja fil-ġudikatura, mhux fil-Pulizija

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa tenna li m’għandux fiduċja fil-Pulizija ta’ Malta iżda għandu tama fil-ġudikatura Maltija hekk kif ħareġ mill-Qorti wara li ta x-xhieda tiegħu lill-Maġistrat Bugeja.
David Casa dalgħodu dam madwar siegħa jixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja dwar ir-rapport tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil ta’ flus (FIAU) li fil-fehma tal-MPE huwa l-agħar wieħed li qatt inkiteb.
Huwa qal li dan għamlu bħala dover lejn il-poplu Malti.
Il-Maġistrat  Aaron Bugeja qed imexxi l-inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru hija sidt il-kumpanija Egrant fil-Panama. Dawn l-allegazzjonijiet qed jiġu miċħuda mill-Prim Ministru u martu.
Hekk kif ħareġ mill-Qorti, Casa ntlaqa’ miċ-ċapċip ta’ xi nies li nġabru l-Belt.
F’kummenti mal-midja Casa qal li l-Maġistrat rabtu bis-sigriet u għalhekk ma setax jiżvela dak li ġie diskuss. Qal li jirrispetta t-talba ta’ Bugeja.
Mistoqsi minn-ġurnalista ta’ One News dwar jekk hux qed jaħdem kontra Malta, Casa wieġeb li qed jaħdem kontra Gvern li fil-fehma tiegħu qed jirredikola l-istituzzjonijiet Maltin. Żied jgħid li l-allegazzjoni li qed jaħdem kontra Malta hija “insult”.
Skont Casa, il-ġurnalista qed tipprova tiddefendi bank li qed jhedded lill-ġurnalisti li jekk jitkellmu, jimmultahom il-miljuni.