Filmat: Jitwaqqaf tribunal tal-kawża ta’ Fra Grazzja Gauci

Dalgħodu saret l-ewwel seduta tat-Tribunal Ekkleżjastiku li qed jaħdem fuq il-proċess għall-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni ta’ Fra Grazzja Gauci li twieled fl-1911 u miet fl-2015.

Dan propju wara li fl-20 ta’ Diċembru tal-2018, Patri Josef Sciberras, Postulatur Ġenerali tal-Ordni tal-Patrijiet Agostinjani, ressaq it-talba quddiem l-Isqof t’Għawdex Mario Grech. L-ewwel seduta tat-Tribunal Ekkleżjastiku saret fil-preżenza tal-Isqof Grech, ta’ Patri Leslie Gatt, Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani Maltin, u ta’ Mons. Salv Debrincat, Kanċillier tal-Kurja.

Fi stqarrija mid-Djoċesi t’Għawdex ġie spjegat li din l-ewwel sessjoni ħadu l-ġurament il-membri tat-Tribunal imwaqqaf apposta, li huma Mons. Edward Xuereb STh.D, JCD, Vigarju Ġudizzjali u Delegat tal-Isqof li se jmexxi dan l-istħarriġ, Mons. Arċipriet Trevor Sultana JCL, STh.B, Promotur tal-Ġustizzja, u Annunziata Grech M.A., nutar.

Fil-jiem li ġejjin it-Tribunal se jibda jisma’ x-xhieda.