Filmat: Jittrenja l-boxing u jiġġieled il-lewkiemja

Wara trattament tal-kimoterapija l-pazjenti ġeneralment jistrieħu, iżda Miguel, tifel ta’ 8 snin li jbati mill-marda tal-lewkiemja, jippreferi jkompli jittrenja l-boxing.   
Ftit ġimgħat ilu, it-tobba qalu lil Miguel u l-kumplament tal-familjari tiegħu li għalkemm ftit żmien ilu kien fieq, il-kanċer reġa’ tfaċċa.
Madanakollu, għal Miguel, l-iktar ħaġa li nkwetatu kienet jekk hux se jkun jista’ jkompli jipprattika l-isport li tant hu għal qalbu, il-boxing.
Billi Miguel kellu jerġa jidħol l-isptar għall-kura u għalhekk ma setgħax ikompli jmur jitrenja fil-gym, l-għalliem tiegħu beda jiġi jgħallmu f’Rainbow Ward stess.
Ommu spjegat kif lejliet il-ġurnata li daħal l-isptar Miguel xorta mar it-training bit-tama’ li meta joħroġ jerġa jingħaqad ma’ sħabu tal-gym. 
Qalet li l-ħolma ta’ Miguel hi li jikkompeti f’kampetizzjonijiet internazzjonali tal-boxing.  
Ma’ Newsbook.com.mt tkellmet ukoll in-nanna ta’ Miguel li qalet kif in-nannu tiegħu kien boxer popolari u kif Miguel jixtieq li jsir bħalu.
Id-determinazzjoni ta’ Miguel tispikka u tagħti wkoll kuraġġ lil dawk ta’ madwaru.
Dan it-tifel b’tant determinazzjoni saħaq li “il-boxing hu kollox u mingħajru ma ngħix.”
Miguel ilu jiġġieled il-marda tal-lewkiemja għal dawn l-aħħar 6 snin.
Bħalissa Miguel, bl-għajnuna ta' Puttinu Cares qed jistenna biex fi Frar jew f’Marzu jitla’ l-Ingilterra għal trapjant ta’ mudullun. 

Filmat: Reel8 Productions