Filmat: Jittraduċu ruħ xulxin

Il-kritiku letterarju u filosfu kontemporanju, George Steiner, darba qal li mingħajr it-traduzzjoni nispiċċaw ngħixu fi provinċji maqtugħin għalina, bi fruntieri magħmula mis-silenzju.
Aktarx huwa das-silenzju li l-kittieba mistiedna fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ppruvaw jiksru meta ltaqgħu flimkien biex jiddiskutu u jaqilbu x-xogħol ta’ xulxin.
Keith Borg, wieħed mill-koordinaturi ta’ dawn il-workshops, qal lil Newsbook.com.mt li t-traduzzjoni tmur lil hinn minn sempliċiment taqleb kelma jew test minn lingwa għal oħra biex tiġi tinftiehem.
Huwa qal li parti mill-esperjenza unika ta’ dan il-festival hija proprju dawn il-kittieba minn pajjiżi differenti li jitilgħu fuq il-palk u jaqraw xogħol ħaddieħor tradott għal ilsienhom, kif ħaddieħor jagħmel b’tagħhom.
Sostna li f’dal-proċess ir-relazzjoni bejn il-kittieb u l-kitba testendi ruħha għal relazzjoni intima did-darba bejn ix-xogħlijiet ta’ kittieba differenti.
Finalment il-kittieba mhumiex jittraduċu l-kitba ta’ xulxin, qed jittraduċu lil xulxin.
U hawnhekk fejn Borg esprima l-importanza tal-letteratura, l-ingredjent ewlieni d’fal-festival, fir-ruħ tal-bniedem. Fi kliemu, “Il-letteratura hija xi ħaġa fundamentali fis-soċjetà li ngħixu fiha”.
Jekk wieħed iqis il-letteratura bħala l-ħajja nnifisha tradotta fi kliem mela t-traduzzjoni tal-kitba letterarja hija prodott tradott darbtejn, biex ngħidu hekk.
Għandek kittieb Maċedoniż li kiteb x’ħass madwaru bi lsienu, imwassal għand udjenza Maltija minn kittieb Malti li kiteb dak li ħass il-Maċedoniż, did-darba bil-Malti.
Hawnhekk tinsab l-esperjenza tat-traduzzjoni mis-semmiegħ li se jkun qed jattendi għal dan il-festival.
Il-kittieba mistiedna ġejjin mill-Palestina, mit-Tuneżija, mill-Bożnja Ħerżegovina, mill-Mjanmar, mil-Lussemburgu, mil-Latvja, mill-Maċedonja, minn Wales, u finalment minn Malta.
Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta jibda mil-lejla u jibqa' sejjer sas-Sibt fil-Forti Sant’Iermu mit-8pm ’l quddiem.
Ritratti: Virginia Monteforte