Filmat: L-Arċisqof iħallas personalment għal 700 ikla ta’ ‘Solidarity Meals’

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva l-proġett ‘Solidarity Meals’ bħala grazzja kbira. Hu qal dan waqt żjara li għamel fil-kċina ta’ restorant fis-Salini fejn ta’ kuljum qed ikunu ppreparati mas-700 ikla sħuna għall-persuni vulnerabbli. L-Arċisqof, li nhar il-Ġimgha jagħlaq 61 sena, offra donazzjoni personali b’kemm jiswew 700 ikla fl-okkażjoni ta’ għeluq sninu, u li ser jitqassmu nhar il-Ġimgħa stess.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta spjegat li l-ikliet huma sponsorjati minn The Alfred Mizzi Foundation u jitqassmu mill-entità tal-Knisja Caritas Malta permezz tad-Djakonija Unit li taħdem id f’id mal-parroċċi u ma’ entitajiet oħra tal-Knisja li joffru servizz fil-komunità.

Ġie spjegat li ta’ kuljum Caritas Malta tirċievi ammont sostanzjali ta’ talbiet għall-għajnuna permezz ta’ telefonati minn linji tat-telefon li nfetħu apposta fil-kriżi tal-pandemija Covid-19. It-talbiet jaslu wkoll permezz tal-kuntatt dirett li l-Caritas għandha mal-kappillani fil-parroċċi u tal-ħidma mill-qrib mal-NGOs. Il-proġett tat-tqassim tal-ikel beda fit-2 ta’ April b’200 ikla u sal-lum laħaq s-700 ikla.

Id-Djakonija Unit ta’ Caritas Malta tikkordina t-tqassim tal-ikel bil-kollaborazzjoni tal-kappillani minn parroċċi differenti, il-Fondazzjoni St Jean Antide, il-Fondazzjoni Sebħ, l-Istitut Paolo Freire u l-Millenium Chapel. Il-parroċċi ta’ Wied il-Għajn, Bormla, l-Iklin, Ħal Balzan u San Ġiljan, flimkien maċ-ċentru ta’ Ronald McDonald fil-Qawra, huma ċ-ċentri li jirċievu l-ikel u li minnhom madwar 75 voluntiera jitilqu biex iqassmu l-ikel fuq l-għatba tad-dar tal-persuni fil-bżonn b’mod li ma jkunx hemm kuntatt dirett. Dan filwaqt li jittieħdu numru ta’ miżuri oħra ta’ prekawzjoni.

L-Arċisqof Charles Scicluna, filwaqt li rringrazzja lil Alf. Mizzi Foundation u lil għadd ta’ benefatturi u voluntiera, qal li permez ta’ dan il-proġett qed nobdu l-kmand ta’ Ġesù li quddiem folla ta’ nies qal lid-dixxippli tiegħu “Agħtuhom intom x’jieklu”. L-Arċisqof qal: “Il-Mulej illum qed iħaddem ukoll il-providenza tiegħu permezz tagħna. Huwa privileġġ kbir u grazzja kbira.”

Julian Sammut minn The Alfred Mizzi Foundation spjega li meta fasslu l-proġett raw li jużaw dan il-perjodu bħala opportunità biex jikkreaw xi ħaġa. Spjega kif il-Fondazzjoni pproviet l-ikel u dan issajjar fil-kċina tal-Vecchia Napoli. Qal li l-Caritas imbagħad ħadu ħsieb il-loġistika.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, qal li Caritas Malta dejjem tirrispondi għall-bżonnijiet tal-persuni li jkunu qed jaqdu fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom. Hu spjega kif hemm nies li għamlu talba għall-għajnuna li qatt ma ħasbu li kienu se jaslu f’punt li jkollhom jitolbu għaliha. Qal li ċ-ċirkustanzi finanzjarji u soċjali tagħhom iżda wassluhom biex jagħmlu dan.

Min għandu bżonn l-għajnuna jista’ jċempel fuq 79213480, 99122515 jew jibgħat email fuq help@caritasmalta.org.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn