Filmat: Jitnieda rapport ġdid li juri kif jista’ jitrażżan ir-razziżmu f’Malta

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=8suRpWknRIs]

Is-Servizz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati (JRS) f’Malta nieda rapport ġdid li jagħti suġġerimenti dwar kif it-tmien pajjiżi Ewropej, inkluż Malta, li pparteċipaw fir-riċerka, jistgħu jiġġieldu r-razziżmu u l-ksenofobija kontra l-immigranti.  
Ir-rapport ‘I Get You’, jiġifieri ‘Nifhmek’, sab li permezz ta’ inizjattivi mħejjija mis-soċjetà ċivili, l-immigranti u r-refuġjati jkunu jistgħu jerġgħu jibnu ħajja ġdida filwaqt li jiġu mħeġġa biex jintegraw fis-soċjetà, u b’hekk tissaħħaħ il-komunità kollha.
Il-proġett beda fl-2015, meta komunitajiet Ewropej bdew jaffaċċaw realtà ġdida, fejn eluf ta’ rġiel nisa u tfal kienu qed jidħlu f’pajjiżhom biex ifittxu refuġju.
Ir-rapport sab li għadd ta’ nies ħassewhom imbeżżgħa, u li s-sigurtà tagħhom kienet qed tiġi mhedda, filwaqt li oħrajn laqgħuhom b’idejhom miftuħa u kienu lesti li jagħtuhom daqqa t’id jekk ikunu fil-bżonn.
Ir-rapport faħħar ix-xogħol li organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’Malta qed jagħmlu mar-refuġjati, billi joffrulhom għajnuna u servizzi li l-ebda organizzazzjoni nazzjonali oħra ma toffrilhom.
Madankollu, JRS Europe tisħaq li l-integrazzjoni sħiħa tal-immigranti u r-refuġjati fis-soċjetà ma tistax tkun realtà qabel ma jiddaħħlu fis-seħħ politiki, servizzi u strutturi legali li jressqu lill-membri tas-soċjetà kollha lejn xulxin.
Skont l-organizzazzjoni, dan jista’ jsir biss jekk gvernijiet Ewropej jinvestu r-riżorsi, l-ħin u l-enerġija tagħhom fit-tfassil ta’ inizjattivi li jqajmu kuxjenza fost il-popli tagħhom dwar il-ħtieġa li jħaddnu lil nies li huma differenti minnhom fil-komunità tagħhom, minflok jagħmlulhom ħajjithom iktar diffiċli milli diġà hi.