Filmat: Jitnieda l-vidjow tal-kanzunetta Maltija għall-Junior Eurovision

Read in English.

Il-Public Broadcasting Services (PBS) nieda b’mod uffiċjali l-vidjow tal-kanzunetta Chasing Sunsets li biha Chanel Monseigneur se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-edizzjoni li jmiss tal-Junior Eurovision Song Contest li se jsir f’Varsavja fil-Polonja.

Il-kantanti fl-edizzjoni li jmiss tal-Junior Eurovision se jkunu qed iwasslu l-interpretazzjoni tal-kanzunetta tagħha mill-istudjows tal-istazzjon nazzjonali ta’ pajjiżhom biex b’hekk tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-parteċipanti kollha f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19.

L-elementi viżwali ta’ dan il-vidjow se jkunu qed jakkumpanjaw lill-kantanta Maltija waqt li hija se tkun qed tinterpreta waqt il-Junior Eurovision.

F’din il-kanzunetta, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta’ Aleandro Monsigneur, Peter Borg u Joe Roscoe, il-kantanta ta’ 9 snin tesprimi x-xewqa li tkun ħielsa bħall-għasafar b’attitudni u determinazzjoni li tilħaq ilħolm tagħha minkejja l-isfidi u ostakli li taffċċja.

Gordon Bonello, Andrew Scicluna u Chanel Monseigneur huma l-imħuħ wara l-kunċett animat ta’ dan il-vidjow li tistgħu ssegwu minn hawn:

Il-Junior Eurovision Song Contest se jkun qed isir il-Ħadd 29 ta’ Novembru u jkun f’xandira diretta fuq TVM.

Min hi Chanel Monseigneur? Aqra aktar f’dan l-artiklu:
Filmat: Chanel Monseigneur mill-Mosta għall-Junior Eurovision