Filmat: Jitnieda l-prospectus il-ġdid tal-MCAST

Tnieda l-prospectus il-ġdid tal-MCAST li jinkludi korsijiet ġodda bħar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali.

It-tnedija saret ilbieraħ mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni Frank Fabri u l-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-Kulleġġ, il-Prof. James Joachim Calleja.

Il-Professur James Joachim Calleja spjega li l-prospectus juri l-firxa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim filwaqt li juri l-vuċi u l-kreattività tal-istudenti. “Dan il-prospectus il-ġdid, b’disinn u b’fotografija tal-istudenti u tal-letturi tagħna stess fi ħdan l-Istitut għall-Arti Kreattiva, hu espressjoni tal-ambjent mimli ħajja li l-Kulleġġ ħoloq f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Fl-MCAST, aħna kburin li noffru esperjenza ta’ tagħlim mmirata lejn il-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti individwali u rilevanti għall-industrija”.

Il-Ministru Bonnici qal li, “L-MCAST dejjem ipprovda edukazzjoni li tmur lil hinn mill-kurrikulu tal-klassi bl-opportunità li jinkisbu kwalifiki rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Programmi ġodda ta’ studji u ta’ taħriġ jiġu kontinwament miżjuda mal-lista ta’ korsijiet offruti sabiex l-għan jibqa’ li jindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti individwali li jkunu qed isegwu korsijiet fil-livelli differenti waqt li jiġi assigurat li kull student ikollu l-possibbiltà li jimxi għal korsijiet ta’ livelli ogħla mingħajr diffikultà. B’iktar minn 190 kors full-time għal iżjed minn 7,000 student full-time u 4,500 student part-time, hu ċar li l-MCAST kiber ħafna u saru passi ta’ ġgant għall-benefiċċju tal-istudenti. B’hekk nixtieq ninkoraġġixxi iżjed persuni jagħżlu din il-karriera għaliex hi tassew waħda ta’ sodisfazzjon.”

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Frank Fabri tkellem fuq il-kisbiet li għamel il-Kulleġġ, u dwar kif issa mexxa l-operat tiegħu online minħabba ċ-ċirkostanzi tal-coronavirus. L-istudenti kollha, fil-livelli kollha, ingħataw laptop u aċċess għall-internet biex isegwu l-lezzjonijiet online mid-dar.

Ara l-prospectus hawn jew iġbor kopja mill-kunsilli lokali.