Filmat: Jitnieda ktieb għat-tfal dwar Ġwanni Pawlu ll

Għajjat, kant, bżieżaq u kuluri offrew l-atmosfera fl-iskola St.Dorothy’s waqt it-tnedija ta’ ktieb għat-tfal dwar il-ħajja tal-Beatu Ġwanni Pawlu ll.
Il-ktieb, l-Istorja tal-Papa Ġwanni Pawlu ll, kitba ta’ Frank Zammit u adattat għat-tfal minn Rita Saliba, tnieda madwar ħmistax qabel il-kanonizazzjoni tal-Beatu Ġwanni Pawlu II u l-Beatu Ġwanni XXlll.
L-istampi, xogħol ta’ David Schembri u l-istejjer qosra, fothom ta’ meta l-Papa ġie Malta, jagħmlu l-ktieb aktar interresanti għat-tfal.
Preżenti għat-tnedija, kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona li qasam mat-tfal l-esperjenza tiegħu ta’ meta n-Nunzju Appostoliku sejjaħlu biex iħabbarlu li l-Papa għażlu bħala Arċisqof ta’ Malta.
F’messaġġ lit-tfal, l-Arċisqof qal li mhux diffiċli wieħed isir qaddis jekk iżomm quddiem għajnejh dak li qal Ġesù, jiġifieri li jħobb lil Alla u ‘l dawk ta’ madwaru.
Tfal li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar il-Papa Ġwanni Pawlu ll spjegaw x’tagħlim jieħdu mill-ħajja tiegħu.
Għall-attività kien hemm preżenti studenti mill-iskola ta’ St Dorothy’s ta’ Ħaż-Żebbuġ u ta’ Tas-Sliema, St Joseph tal-Blata l-Bajda u tas-Sliema, St Francis ta’ Birkirkara u St Monica tal-Ġżira.
L-għajjat żdied hekk kif il-kantant Gianluca Bezzina, li fost kanzunetti oħra, kanta l-kanzunetta Tomorrow li biha rrappreżenta lil Malta fil-Eurovision.