Filmat: Jitnieda ktieb bil-Malti dwar il-qaddis Sir Thomas More

Tnieda ktieb ġdid dwar il-ħajja ta’ Sir Thomas More, Jien Thomas, fil-Parlament.

Il-ktieb inkiteb mill-Patri Franġiskan Thomas Moore u huwa l-ewwel ktieb bil-Malti dwar il-qaddis.

Għat-tnedija tal-ktieb kien hemm preżenti l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, id-Deputat Speaker u MP tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, l-MP tal-Oppożizzjoni Frederick Azzopardi, u l-awtur Patri Tomas Moore.

Patri Thomas Moore kiteb dwar il-ħajja ta’ Sir Thomas More li rċieva l-edukazzjoni tiegħu fi skola tal-Franġiskani. Il-qaddis twieled fl-1478. More, ħabib tal-umanista Desiderius Erasmus, li miegħu kien jikkorisspondi, kien avukat, filosfu, u awtur. Wara l-mewt tal-Kardinal Wolsey fl-Ingilterra, li miegħu More kien ħadem fil-qrib, it-theddida tal-bidliet li riedu il-Luterani Portestanti bdiet tiżdied fl-Ingilterra. Hu kien oppona r-Riforma tal-Protestanti u s-separazzjoni tar-re mill-Knisja Kattolika. Ir-re Neriku VIII kien appoġġja ir-riforma protestanta għax permezz tagħha huwa seta jitlaq lil martu Katarina ta’ Aragona u jiżżewweġ lil Anna Boleyn.

Fl-eqqel ta’ din il-kontroversja, More żamm mal-prinċipji tiegħu u rrifjuta li jagħraf lil Nriku VIII bħala l-kap suprem tal-Knisja tal-Ingilterra, minkejja li l-kleru fl-Ingilterra għotor u baxxa rasu. Huwa ngħata sentenza tal-mewt meta rrifjuta li jieħu ġurament tas-supremazija, jiġifieri li jagħraf lir-Re minflok lill-Papa bħala il-kap tal-Knisja. Fis-sena 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara lil Sir Thomas More bħala l-qaddis patrun tal-politiċi.