Filmat: Jitlesta t-tħaffir ta’ mina għad-distribuzzjoni tal-elettriku

Ħaddiema tal-Enemalta u kuntrattur privat temmew l-iskavar ta’ mina ta’ 4.65 kilometri, bejn il-Magħtab u Pembroke, li se tintuża biex tissaħħaħ is-sistemà tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-inħawi.
Il-mina qed issir bħala parti mill-proġett tal-interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija, iżda tifforma wkoll parti minn ħidma biex tissaħħaħ is-sistema fl-inħawi tal-Imsida, l-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi u San Ġwann.
It-tħaffir tal-mina beda fl-2012 u għandha wisa’ ta’ madwar erba’ metri u tinsab f’fond li jvarja bejn 10 u 115-il metru taħt l-art.
L-iżvilupp tal-mini tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta beda fl-1996 u s’issa, l-Enemalta għandha aktar minn 23 kilometru ta’ mini, li jwasslu mill-impjanti tal-Marsa u Delimara għaċ-ċentri tad-distribuzzjoni.