Filmat: Jitlesta r-restawr ta’ 4,500 metru kwadru tas-swar fil-Furjana

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=Udeg9deziOI]

Għadu kif tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq 4,500 metru kwadru ta’ swar li jinsabu ħdejn l-Għolja tal-Kurċifiss fil-Furjana.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt żjara fil-Furjana, fejn saħaq fuq l-importanza tax-xogħol li qed isir fuq is-swar li minkejja li l-iskop tagħhom inbidel, għadhom importanti għall-pajjiż.  
Bonnici qal li s-swar mhux biss jirrappreżentaw l-imgħoddi u l-istorja twila tal-gżira, iżda rridu nieħdu ħsiebhom ukoll għall-ġejjieni tal-pajjiż, sabiex ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu wkoll igawdu dan il-wirt storiku.
Il-Ministeru spjega fi stqarrija s-swar, li jħarsu għal fuq il-Port il-Kbir, f’żona li tilqa’ eluf ta’ turisti fis-sena, kienet fi stat perikoluż, hekk kif il-ġebel beda jaqa’ biċċiet u l-blat beda jinqasam.
Fakkar ukoll li l-pjanijiet għas-swar kienu ġew imfassla mill-inġinier militari Pietro Paolo Floriani fl-1635, sabiex jipproteġu l-Belt mill-artillerija.
Sabiex sar dan ir-restawr, kellu jinbidel il-ġebel, tkaħħlu l-fili u saru interventi sabiex jissaħħaħ il-blat.
Ix-xogħlijiet, li għadhom għaddejjin u li se jiswew madwar €600,000, qegħdin isiru minn Irrecs Ltd taħt is-sorveljanza tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.