Filmat: Jitlesta l-proġett ta’ Triq Reġjonali

Tlesta x-xogħol li kien għaddej fuq it-Triq Reġjonali.

It-Triq Reġjonali reġgħet inbniet mill-mini tal-Qroqq sal-mini ta’ Santa Venera. Żdied żewġ korsiji ta’ 1.1 kilometru bejniethom f’parti minn din it-triq b’erba’ korsiji u l-bini mill-ġdid b’disinn aħjar tas-seba’ junctions li jmissu magħha.

Fost l-affarijiet li ġew introdotti hemm crash barriers ġodda bejn iż-żewġ karreġġjati.

Infrastructure Malta fi stqarrija qalet li f’dawn l-aħħar 10 snin seħħew ħafna inċidenti f’din il-parti ta’ Triq Reġjonali b’medja ta’ ħabta fil-ġimgħa. Spjegat li ħafna minn dawn l-inċidenti seħħew fil-junction li tgħaqqad Triq il-Wied tal-Imsida, Triq il-Ferrovija l-Antika (Birkirkara) u Triq il-Kappillan Mifsud (Santa Venera) mal-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Reġjonali.

Bix-xogħol li sar, din il-junction f’korsija tingħaqad direttament mal-korsija tat-tramunatana ta’ Triq Reġjonali biex jonqsu r-riskji tal-inċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar spjegat Infrastructure Malta.

Il-korsija ġdida qed tnaqqas ukoll id-dewmien għall-ħruġ minn Triq Reġjonali għall-Bypass ta’ Birkirkara (Triq Dun Karm Psaila), l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei.

Fid-direzzjoni opposta, it-tiieni korsija ġdida fi Triq Reġjonali ttejjeb l-andament tal-vetturi u li jkunu ġejjin mir-rampa li tgħaqqad ir-roundabout fejn hemm l-iskatepark f’Tal-Qroqq mal-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Reġjonali billi jibqgħu sejrin dritt lejn Santa Venera.