Filmat: Jitla’ fuq ġewnaħ t’ajruplan li kien se jitlaq f’Las Vegas

F’Las Vegas, raġel ġie arrestat wara li tela’ fuq ġewnaħ ta’ ajruplan mill-flotta tal-Alaska Airlines.

Dan l-inċident seħħ waqt li t-titjira numru 1367 kienet qiegħda tipprepara għat-tluq tagħha minn Las Vegas għal Portland fl-ajruport internazzjonali ta’ McCarran. Kien il-pilota li nnota persuna riesqa lejn l-ajruplan u minnufih bagħat notifika lill-control tower.

Passiġier abbord fuq l-ajruplan irnexxielu jiġbed filmat tar-raġel fuq il-ġewnaħ tal-ajruplan. F’ħin minnhom intlemaħ ineħħi l-kalzetti u ż-żarbun biex jipprova jitla’ mal-biċċa l-wieqfa tal-ġewnaħ. Huwa waqa’ fuq it-tarmakk hekk kif ra l-pulizija resqin lejh.

Il-pulizija arrestaw lir-raġel u ttieħed f’faċilità medika.

L-ajruplan saritlu spezzjoni u wara dewmin ta’ iżjed minn erba’ sigħat telaq lejn Portland.