Filmat: Jitkellmu l-isportivi dwar l-istrateġija Aiming Higher

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima nedew l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport u l-Attività Fiżika f’Malta. Muscat spjega kif din l-istrateġija trid tara bidla fil-mentalità.

Il-Prim Ministru qal li sal-2023 se jintefqu €30 miljun fuq faċilitajiet sportivi apparti l-€11-il miljun li l-gvern qed jagħti kull sena lil SportMalta. Huwa saħaq li Malta trid titla’ tarġa oħra fl-isport u għalhekk se jiġu investiti €6 miljun addizzjonali, li se jmorru f’investiment dirett fl-isportivi nnfushom u biex jinġiebu coaches li jistgħu jgħinu lil Malta ġġib ir-riżultati.

Is-Segretarju Parlamentari għall-isport Clifton Grima qal li t-tema ta’ din l-istrateġijaAiming Higher, hija t-triq li l-isport Malti se jkun qed isegwi biex Malta tilħaq il-miri ta’ eċċellenza u tkun fost l-aqwa fl-Ewropa fl-isport.  Huwa semma wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 li se jiġu organizzati f’pajjiżna. Huwa sostna li dakinhar irridu niksbu l-midalji f’kull dixxiplina sportiva.

Iċ-Chairman tal-Kummissjoni għall-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport u l-Attività Fiżika, Alan Grima spjega kif wara konsultazzjoni wiesgħa u numru ta’ studji ma’ diversi assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi, ġew identifikati ħames prioritajiet principali għal din l-istrateġija. Biex jinkisbu dawn il-ħames prioritajiet, ġew imfassla seba’ pilastri strateġiċi ewlenin, li għalkemm ta’ natura separata, huma interkonnessi. Kull wieħed minn dawn il-pilastri jinkudu numru ta’ objettivi prinċipali li jridu jintlaħqu fl-għaxar snin li ġejjin.

Is-seba’ pilastri ewlenin huma; l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-kwalità tal-ħajja, il-faċilitajiet, l-industrija, Għawdex, l-integrità fl-isports u high-performance. L-istrateġija hija mibnija wkoll fuq valuri strateġiċi fejn fuq medda ta’ għaxar snin il-pajjiż irid jibda jikseb ir-riżultati. L-istrateġija nazzjonali tieħu ħsieb ukoll li jkun hemm inċentivi għall-isportivi biex jaħdmu full-time u anki għajnuna lill-assoċjazzjonijiet sportivi. Se jitwaqqaf ukoll dipartiment għall-integrità fl-isport li b’mod awtonomu se jħaddem leġiżlazzjoni li għaddiet riċentament dwar l-integrità fl-isport.