Filmat: Jitħarrġu fil-midja bil-kalzetti u l-buttuni

Xi tfal bdew jitħarrġu fil-midja fil-ħafna oqsma tagħha bħan-narrazzjoni u l-ġbid tal-filmati grazzi għall-Fondazzjoni Karl Vella, permezz tal-programm Bringing Creativity to Life.

F’dan il-programm, it-tfal ħolqu film bil-pupazzi magħmulin mill-kalzetti u l-buttuni. Il-film irrikjeda li kull tifel u tifla jkollu rwol partikolari, għalhekk, jispjega Mark Calleja, il-kordinatur tal-programm, kien hemm min iddisinja u ħoloq il-pupazzi, min kellu leħnu tajjeb allura għamilha tan-narratur, u min kien tajjeb biex juża l-kamera, allura ġibed il-film.

Calleja qal li esperjenza bħal din kienet utli ħafna għat-tfal għaliex tgħallmu jaħdmu flimkien bħala tim filwaqt li jieħdu gost, u barra minn hekk, tħarrġu sew fl-oqsma tal-midja, u ħadu idea tal-professjoni f’każ li xi wħud minnhom jitħajru jsegwu dik il-karriera ‘l quddiem.

10 itfal li l-familji tagħhom sfaw milquta minn mard serju temmew b’suċċess proġett kreattiv fil-midja, li permezz tiegħu tgħallmu fost l-oħrajn kif jiktbu storja, kif joħolqu u jpinġu l-karattri, kif jipproduċu prodott awdjoviżiv, kif jiffilmjaw u anke kif jeditjaw. Oħrajn kellhom l-esperjenza li fl-istudios tal-Media Centre jippreżentaw programm, jipparteċipaw f’diskussjoni u jkunu parti mit-tim tal-produzzjoni.

€2,500 għall-Fondazzjoni Karl Vella

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) irnexxielha tiġbor is-somma ta’ €2,500 għall-Fondazzjoni Karl Vella billi biegħet ħlewwiet fil-kantin tal-impjegati tagħha.