Filmat: Jitħabbru tliet finalisti oħra ta’ Malta’s Got Talent

Read in English.

Tliet finalisti oħra għall-finali tal-ewwel edizzjoni tal-programm Malta’s Got Talent tħabbru lbieraħ filgħaxija waqt it-tieni programm live minn din il-kompetizzjoni.

Din il-ġimgħa l-programm fetaħ minn wara ‘l kwinti fejn rajna kif Gordon spiċċa mkeċċi mill-kmamar tal-erba’ membri tal-ġurija.

Matul il-programm rajna għaxar wirjiet oħra li varjaw minn stunts ta’ karozzi, żfin, maġija, kant varjat minn musicals, dik ta’ Disney, kanzunetti oriġinali u makjetti. L-ispettaklu u l-kuluri ma naqsux.

Il-grupp Concept of Movement għal darb’oħra rnexxielu jimpressjona u għaldaqtant wara l-vot tal-pubbliku rnexxielu jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-programm.

JoeMike u Lydon Agius ukoll għaddew għall-finali. Għal darb’oħra ċ-ċkejken Lydon seraq is-simpatija meta flimkien ma’ missieru interpreta makkjetta oriġinali oħra. Minkejja li t-tifel nesa’ l-lirika lejn l-aħħar u l-ħarsa miksura f’għajnejh ġibdet aktar simpatija mill-pubbliku li f’idejh kien il-vot biex tnejn minn dawn l-għaxar parteċipanti tal-programm jgħaddu għall-finali.

F’idejn il-ġurija kien imiss it-tielet parteċipant li jgħaddi għall-finali u l-komopetizzjoni f’din il-fażi kienet bejn Emma Cutajar u Ria.

Għal darb’oħra Emma Cutajar wasslet kanzunetta oriġinali oħra.

Ria Gauci waslet żifna impressjonanti oħra fuq il-palk.

Il-ġurija ma qablitx bejnietha u għaldaqstant il-produzzjini rrikorriet mill-ġdid għall-vot tal-pubbliku u kienet Ria li għaddiet għall-finali.

It-tielet semifinali ta’ Malta’s Got Talent tixxandar nhar il-Ħadd li ġej fid-8.50pm fuq TVM.