Filmat: Jistgħu jibdew jintużaw il-karattri Maltin fl-ismijiet minn din is-sena – Muscat

Is-sistema fl-Insinwa ma tippermettix l-użu taċ-ċ, il-ġ, il-ħ u ż-ż

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat ikkonferma li minn din is-sena, il-ġenituri jistgħu jibdew jużaw il-karattri Maltin meta jagħtu isem lil uliedhom.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, Muscat qal li għalih hija “anomalija stramba ħafna” li l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku kellu sistema li ma tippermettix l-użu tal-karattri Maltin fl-ismijiet, jiġifieri l-ittri ċ, ġ, ħ u ż.

Fil-bidu t’Ottubru, kelliem għas-Segretarjat ta’ Muscat qal lil Newsbook.com.mt li l-kwistjoni se tiġi indirizzata din is-sena. Is-Segretarju Parlamentari kkonferma dan ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet. Qal li l-liġi fuq dan qiegħda fil-Parlament u se tgħaddi għat-tieni qari fil-jiem li ġejjin.

Ikkjarifika li dan ma jgħoddx għall-kunjomijiet, iżda ġenituri li diġà taw isem lil uliedhom jistgħu jibdlu isem uliedhom għal wieħed bil-karattri Maltin ukoll.

Il-kunjomijiet Maltin ma jiħdux dijakritiċi, jiġifieri t-tikka fuq iċ-ċ jew il-linja fuq il-ħ, għaliex meta l-alfabett Malti kien għadu ma ġiex stabbilit (qabel it-tletinijiet) kien jintuża l-alfabett Taljan biex jinkitbu l-kunjomijiet, u b’hekk, dawn il-kunjomijiet laħqu ħadu saħħa legali. Il-kunjomijiet jintużaw f’testmenti u dokumenti legali, u b’hekk, ma jistgħux jinbidlu.

Fil-bidu ta’ Ottubru, l-Akkademja tal-Malti bagħtet tfakkira lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat dwar din il-kwistjoni. Din kienet it-tieni darba li l-Akkademja għamlitlu dan l-appell din is-sena, peress li f’Mejju li għadda, hi appellat lil Muscat, li huwa responsabbli mir-Reġistru Pubbliku, sabiex jieħu passi biex l-Uffiċċju jaddotta sistema li biha, ikunu jistgħu jintużaw il-karattri Maltin fl-ismijiet.

F’April, il-kwistjoni ġiet diskussa fil-Parlament mid-Deputat Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha minflok jismu Gorg.

Ir-Reġistru Pubbliku kellu jdaħħal is-sistema tal-karattri Maltin sal-2017, iżda dan baqa’ ma sarx. Is-sistema kompjuterizzata li tintuża mir-Reġistru Pubbliku ilha fis-seħħ mill-1993 u tul dawn is-snin, bosta ġenituri kienu qed isibuha diffiċli biex jiktbu isem il-wild tagħhom kif jixtiequ. Din is-sistema ma taċċettax ċerti ittri fosthom dawk bil-Malti bħaċ-ċ, ġ, ħ u ż.