Filmat: Jisparaw fuq 3 tajr protett; Birdlife titlob azzjoni mill-PM

Read in English.

L-għaqda BirdLife Malta talbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jieħu azzjoni kostruttiva u viżibbli wara li mill-inqas tliet għasafar protetti ntlaqtu minn tiri f’dawn l-aħħar 24 siegħa.

Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li qatgħa fjamingi li ġiet Malta bdiet tonqos fin-numru bil-mod il-mod lbieraħ. Qalet li uħud minnhom spiċċaw fil-mira tal-kaċċa llegali. Wieħed minnhom tniżżel fl-inħawi tal-Munxat f’Wied il-Għajn filwaqt li ieħor inġabar minn Marsaxklokk. Dan tal-aħħar kellu feriti gravi. Veterinarju kkonferma li kellu tiri ta’ senter.

Intqal ukoll li “fjamingi żgħar oħrajn spiċċaw maqbudin fuq l-art u nġabru biex jittieħdu għand il-veterinarju. Wieħed inġabar minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’Daħlet Qorrot f’Għawdex u ieħor inġabar aktar kmieni minn BirdLife Malta mill-bajja tal-Għadira. Dalgħodu Fjamingu ieħor inġabar minn Tas-Safra mill-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) u ġie mgħoddi f’idejn BirdLife Malta.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana spjega f’filmat li xandar ilbieraħ li l-istat tal-infurzar u r-regolamenti ġew imdgħajfa bil-konsegwenza li xi kaċċaturi qed jitħallew jikkaċċjaw għasafar protetti tul is-sena kollha.

Filmat: Il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife jgħid li ra kaċċaturi jisparaw fuq fjamingu żgħir

Il-BirdLife qalet li għalija l-qtil ta’ fjamingi huwa sagrileġġ. Intqal li dan juri li l-Gvern m’għandu l-ebda biżjoni progressiva u moderna fejn jidħol il-ħarsien ambjentali.

Il-Manager tal-Konservazzjoni tal-BirdLife Nicholas Barbara qal li Joseph Muscat matul is-snin qal li jrid jara infurzar aħjar. “Wasal iż-żmien li mill-kliem jgħaddi għall-fatti,” qal Barbara.

“Tul l-aħħar 24 siegħa, BirdLife Malta rċeviet ukoll għasfur protett ieħor, li wara l-eżami tal-veterinarju tal-gvern, ukoll kien ikkonfermat li tniżżel b’tiri ta’ senter tal-kaċċa. Il-Bagħdan Aħmar, li kellu ċ-ċomb fil-ġewnaħ u fid-denb, inġabar mill-pulizija nhar it-Tnejn fl-inħawi ta’ Gianpula,” qalet il-BirdLife.

L-għaqda qalet li dan kollu qed jiġri tul l-istaġun magħluq hekk kif il-passa tal-ħarifa tal-għasafar bdiet tiżdied u ftit jiem qabel jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa fl-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar 2020.