Filmat: Jispara l-ilma waqt xogħol fit-triq

Residenti tar-Rabat, Għawdex għamlu xi ħin bla ilma minħabba li pajp tal-ilma spara wara li ntlaqat minn makkinarju li kien qed jintuża għall-kostruzzjoni ta’ Triq Għajn Qatet.
Għal xi ħin l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kien mingħajr provista.
Kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ għall-ħabta tan-nofsiegħa.
Qal ukoll li d-djar f’ħames toroq fl-inħawi sfaw bla ilma għal madwar siegħa u nofs.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk din il-ħsara affettwatx il-provista tal-ilma fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-kelliem ikkonferma dan iżda qal li “l-isptar inqaleb fuq sistema alternattiva fi ftit ħin”.
Fl-istess triq, ħaddiema tal-Gvern kienu dehru jqaċċtu 14-il siġra bil-Ministeru jiġġustifika tqaċċit ta’ dawn is-siġar billi jitħawwlu siġar oħra f’post ieħor.
Filmati: Lana Falenda