Filmat: Jispara l-ilma fi triq fix-Xagħra

Sewwieqa li minn Marsalforn kienu fi triqithom lejn ix-Xagħra llum waranofsinhar setgħu ħaslu l-karozza b’xejn. Dan hekk kif fit-triq ewlenija li minn Marsalforn twassal għax-Xagħra, beda jispara l-ilma. Qarrej ta’ Newsbook.com.mt kien għaddej mit-triq għall-ħabta tal-4pm u bagħtilna ritratt u filmat.

Kelliem għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qal ma’ Newsbook.com.mt li ġie infurmat dwar dan minn din il-kamra tal-aħbarijiet u bagħat il-ħaddiema fuq il-post.

Insista dwar il-ħtieġa li l-pubbliku jgħarraf lill-Korporazzjoni b’dawn il-każi sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni immedjata. Appella biex wieħed jikkuntattjahom permezz tal-Facebook jew inkella fuq il-Freephone 80076400. Stqarr li f’dawn is-sitwazzjoni l-Korporazzjoni tiddependi fuq in-nies.

F’Mejju li għadda, residenti tar-Rabat, Għawdex għamlu xi ħin bla ilma minħabba li pajp tal-ilma spara wara li ntlaqat minn makkinarju li kien qed jintuża għall-kostruzzjoni ta’ Triq Għajn Qatet. Għal xi ħin anke l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kien mingħajr provvista.