Filmat: Jisirqu magna tas-sigaretti bi €3,000 f’żewġ minuti u nofs

Jesmond Cauchi, sid ta’ ħanut fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta ilu ġimagħtejn jipprova jara min kienu l-ħallelin li matul il-lejl daħlu jisirqulu l-magna tas-sigaretti.
Is-serqa ġrat fil-lejl tal-25 ta’ Ottubru li għadda għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu.
Ma’ Newsbook.com.mt is-sid qal li fil-magna kien hemm ftit aktar minn €3,000.  Minkejja li sar rapport l-għassa u ma sema’ xejn dwar l-investigazzjoni, Jesmond Cauchi tella’ l-filmat fuq Facebook għall-għajnuna tal-pubbliku.
Fil-filmat tal-kameras tas-sigurtà jidhru żewġt irġiel b’wiċċhom mgħammad jieqfu bil-vann quddiem il-confectionery u wieħed minnhom ħareġ tnalja biex ikisser il-katnazz ta’ mal-bieb.
F’temp ta’ ftit ħin, il-ħallelin kienu fil-ħanut u ħarġu ’l barra bil-kaxxa tas-sigaretti.
Is-serqa damet biss 150 sekonda, jiġifeiri żewġ minuti u nofs.