Filmat: Jipproponilha waqt il-missjoni fil-Gwatemala

Nicholas Briffa kien ilu ġimgħat jaħseb meta se jkun l-aħjar mument biex jipproponi lit-tfajla tiegħu Vanessa Briffa biex issir martu.
Ix-xoqqa f’moxtha sabha l-ġimgħa li għaddiet meta Nicholas, Vanessa u grupp ta’ ħbieb kienu fil-Gwatemala għall-missjoni fil-parroċċa ta’ Santo Hermano Pedro, immexxija minn Fr Anton Grech, missjunarju Għawdxi li ilu jagħmel ħidma pastorali fil-Gwatemala għall-dawn l-aħħar 17-il sena.
Iċ-ċurkett xtrah minn Malta u bl-għajnuna ta’ Fr Anton u  n-nies tal-post, Nicholas staqsa lil Vanessa biex tiżżewwġu fil-grawnd tal-parroċċa bl-isem ta’ GuateMalta, grawnd li nbena bl-għajnuna tal-ġenerożità tal-Maltin.
Waqt lejla kulturali bħala ringrazzjament għax-xogħol missjunarju li għamlu l-Maltin, Fr Anton qal li se jintwerew filmati dwar il-Maltin, bl-ewwel filmat ikun dwar il-koppja Nicholas u Vanessa.  Bil-kanzunetta Xemx fl-isfond u r-ritratti tagħhom t-tnejn għaddejjin fuq l-iscreen, 22 Gwatemaliżi ħarġu fil-grawnd jżommu ittra mis-sentenza: Vanessa will you marry me?
Kif kien mistenni, Vanessa aċċettat, iżda l-“iva” ma qalithiex la bil-Malti u lanqas bl-Ingliż, iżda bil-lingwa tal-post.
Skont Fr Anton Grech, din l-attività ħalliet ħafna ġid għax nofs il-250 persuna preżenti kienu Evanġeliċi u b’hekk setgħu jaraw b’għajnejhom stess li l-Knisja Kattolika hi ħajja u maqgħuda.
Ix-xahar li l-Maltin damu fil-Gwatemalta, żaru villaġġi fqar indiġeni tal-Maya fil-ġungla, qasmu magħhom l-Ewkaristija, tagħlim dwar l-edukazzjoni sesswali u ikel bnin u anke qassmulhom ħafna affarijiet li rnexxielhom jiġbru minn Malta.