Filmat: Jipproponilha waqt surfing

Raġel mill-Hawaii ppropona mara għaż-żwieġ waqt li kienu surfing. Hu niżel għarkuptejh fuq il-board u meta l-mara aċċettat iċ-ċurkett li kien qed jipproponilha bih ħarablu minn subgħajh u spiċċa fil-baħar.

Chris Garth kien jaf li ċ-ċurkett seta’ jaħrablu minn idu meta wrieh lil Lauren Oiye u għalhekk kien ħalla ċ-ċurkett proprju fuq ix-xatt fuq Queen’s Beach f’Waikiki. Dak li ppropona bih kien biss ċurkett sempliċi.

Ritratt: Tommy Pierucki

Lauren Oiye kitbet fuq Instagram li waqt li kienu surfing ħarset lura biex tara fejn kien ir-raġel. Dak il-ħin ratu għarkuptejh b’kaxxa taċ-ċrieket f’idu u beda jgħajjat: “Lauren, inħobbok. Trid tiżżewwiġni?”

Il-mara, li hi terapista u għalliema tal-yoga, kitbet li għall-ewwel ħasbet li kien qed jiċċajta imma ndunat li kien qed jgħidilha bis-serjetà x’ħin ratu juriha ċ-ċurkett. L-avveniment kien iffilmjat minn ħabib tagħhom u l-mara rringrazzjatu għal dak li għamel għalihom.

Il-koppja jgħaddu ħafna ħin fuq dak ix-xatt u bħal kienet xi ħaġa naturali li l-proposta għaż-żwieġ issir f’dak il-post.

Fl-aħħar tal-kitba tagħha fuq Instagram Lauren Oiye kitbet: “Jalla jkollna ħajja mimlija daħk u li nżommu rwieħna ferħana b’affarijiet sempliċi u awtentiċi.”